Lokali

“Kull persuna jistħoqqilha tgħix b’dinjità u serħan il-moħħ”

“Il-ġustizzja soċjali titlob li kull persuna tingħata opportunita reali biex verament tgħix b’dinjita, serħan il-moħħ, protezzjoni u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjeta .”

Fuq hekk kienet propju ċċentrata il-konferneza li saret fil-Parlament u li kienet indrizzata minn numru ta’ individwi – ġejjin minn kull sfera tas-soċjetà.

L-ispeaker Anġlu Farrugia spjega li din il-laqgħa saret fl-interess nazzjonali sabiex tiġi riflessa il-ġustizzja soċjali fil-ħajja ta’ kuljum – b’mod partikolari kif is-soċjeta ta’ pajjiżna tqassam l-opportunitajiet u kif tipproteġi d-dinjita tal-bniedem.

Matul din il-konferenza, Vanessa Mifsud Partanier, għalliema u omm ta’ tifel li għandu l-kundizzjoni tad-down syndrome, tkellmet dwar l-inġustizzja soċjali li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ b’diżabilita fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni sekondarja għad-dinja tax-xogħol.

Michael Debattista, tkellem dwar l-inklużjoni soċjali għal persuni b’diżabilità. U sostna li minkejja l-iżviluppi li saru fl-aħħar 25 sena, permezz ta’ skemi ta’ appoġġ, strateġiji nazzjonali u standards ta’ aċċessibilita … xorta waħda għad fadali xi jsir. Hawnhekk irrefera fost l-oħrajn għall-frammentazzjoni fis-servizzi u inkonsistenzi fl-informazzjoni aċċessibbli u t-teknoloġija.

Aldo Calleja, tkellem dwar ir-riskji għas-saħħa li jirriżultaw mill-ħsejjes u l-vibrazzjoni, u l-impatt negattiv li dan iħalli fuq il-ħaddiema. Appella sabiex ir-risk assessments li suppost saru fl-aħħar 20 sena jiġu ppubblikati. U biex nibdew nifhmu jekk id-diżabilita hix riżultat tat-traskuraġni jew abbuż.

Anna Marija Baldacchino, tkellmet dwar l-istorbju li qed ikun hawn fil-lokalitajiet – fosthom dak kaġun tax-xogħol tal-kostruzzjoni u anke clubs. Xi ħaġa li qed tħalli ħafna riperkussjonijiet fuq is-saħħa tal-bniedem. U appellat lil awtoritajiet sabiex jieħdu ħsieb il-kwalita tal-ħajja taċ-ċittadini.

Doreen Mamo tkellmet dwar id-distinzjoni li għadha ssir bejn mard fiżiku u dak mentali. Hi fakkret fil-wegħda ta’ sptar ġdid speċjalizzat għas-saħħa mentali li kellu joffri kura ta’ kwalita u dinjità lill-pazjenti – wegħda li sal-lum baqgħet ma twettqitx.

Marika Borg Wirth, tkellmet dwar l-isfidi, finanzjarji, soċjali, mediċi, mentali, edukattivi kif ukoll dwar is-solitudni fost oħrajn. U qalet li hemm lakuni li jeħtieġ li jiġu ndirizzati mill-aktar fis.

Michael Sammut tkellem dwar is-sitwazzjoni inġusta fejn inkwilini li kienu protetti bil-liġi tal-1979 sabu ruħhom f’riskju ta’ żgumbrament.

Spjega kif il-liġi l-ġdida tat lis-sidien id-dritt jiftħu kawżi u introduċiet means test strett – li wassal biex diversi persuni, inkluż anzjani, tilfu d-dar tagħhom minkejja li kienu osservaw il-liġi.

Emanuel Calleja esprima t-tbatija li għaddew minnha tul dawn l-aħħar 29 sena, fejn qal li għexu taħt tensjoni kbira u sofrew inġustizzji li affettwaw id-drittijiet fundamentali tagħhom.

Anthony Degiovanni tkellem fuq l-importanza li titħares l-individwalità tal-anzjani bħala persuni; wieħed differenti mill-ieħor.

B’rabta mal-pensjonijiet, Albert Cilia Vincenti, semma’ d-diversi sfidi li qed jaffaċjaw l-anzjani minħabba d-dħul tagħhom u problemi fil-pensjonijiet li kien hemm matul is-snin.

Intant, Anatole Baldacchino, enfasizza li l-Parlament għandu d-dmir jindirizza l-inġustizzji storiċi marbuta mal-każ tat-thalidomide f’Malta. Huwa fakkar kif fl-1962 kien hemm twissijiet dwar żieda fit-twelid ta’ tfal b’diżabilità, iżda l-Istat naqas milli jaġixxi – u dawk li rnexxielhom jibqgħu ħajjin ġew abbandunati.