Internazzjonali

L-Eks President tal-Korea t’Isfel jingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs

L-Eks President tal-Korea t’Isfel, Yoon Suk Yeol, ġie mogħti sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li nstab ħati li abbuża bl-awtorità tiegħu.

Yoon kien ġie arrestat fir-residenza tiegħu f’Jannar tal-2025 bil-forza; b’iktar minn 3,000 pulizija li kellhom jegħlbu grupp kbir ta’ gwardji li kellu.

Din is-sentenza ġiet mgħotija minħabba li f’Diċembru tal-2024, il-President Yoon Suk Yeol iddikjara liġi marzjali bil-għan li jaħtaf l-Assemblea Nazzjonali – li f’dak iż-żmien kien ikkontrollat mill-Partit Demokratiku. Il-qorti sabet li l-President ordna l-ħtif tal-Mexxej tal-Oppożizzjoni – li llum hu l-President f’isem il-Partit Demokratiku wara li rebaħ l-elezzjoni f’Ġunju tal-2025.

Yoon kien iġġustifika d-dikjarazzjoni tal-liġi marzjali billi sostna li kienet neċessarja biex iwaqqaf lid-Demokratiċi milli jostakolaw l-aġenda tiegħu. Skont hu, id-Demokratiċi kienu forza li jaħdmu kontra l-Istat.

Il-liġi marzjali kienet ġiet imwaqqfa mill-membri tal-Assemblea li unanimament ivvutaw kontra l-liġi marzjali. Iżjed tard fl-istess xhar l-Assemblea vvotat biex Yoon jiġi mkeċċi mit-tmun kawża tad-dikjarazzjoni tal-liġi marzjali.

F’Jannar, il-Prim Ministru indipendenti li kien taħtu, Han Duck-soo, kien irċieva sentenza ta’ 23 sena ħabs talli pprova jisforza d-dikjarazzjoni tal-liġi marzjali fil-Kabinett tiegħu, talli gideb taħt ġurament u talli ffalsifika dokumenti.

L-Eks Ministru għad-Difiża li kien fit-tmun waqt il-liġi marzjali ukoll instab ħati, u rċieva sentenza ta’ 30 sena ħabs talli immobilizza l-armata u talli għen fl-impożizzjoni tal-liġi marzjali.

L-Eks President Yoon fadallu iżjed kawżi b’iżjed akkużi, iżda l-akkużi tal-lum huma l-iżjed serji u li jġorru l-iżjed żmien fil-ħabs.