Meta jkolli ċans, niġi.
Kienet din ir-risposta li tana l-Ministru Byron Camilleri meta mistoqsi minn dan l-istazzjon għalfejn stedina għal dibatitu li ntbagħtet numru ta’ jiem ilu baqgħet mhux milqugħha.
It-tim tal-produzzjoni ta’ NETLIVE kien bagħat stedina lill-Ministru Camilleri lura fid-29 ta’ Jannar fejn offra lill-istess Ministru numru ta’ jiem li seta’ jagħżel minnhom sabiex jattendi għall-programm u jiddiskuti numru ta’ temi li huma ta’ interess pubbliku. Iżda bqajna bla tweġiba.
L-istedina kienet waslet ukoll għand l-assistent tiegħu Ryan Attard, kif ukoll il-kelliem tal-Partit Laburista Norma Saliba. Madanakollu, dan l-istazzjoni ma rċieva l-ebda forma ta’ risposta.
U kien għalhekk li tliet ġimgħat wara, konna kostretti nirrepetu din l-istedina wiċċ imb wiċċ.
Bil-Ministru xorta waħda baqa’ ma tax ġurnata meta se jattendi għall-programm fuq Net Television. U wisq anqas raġuni għalfejn l-emails ma ġewx imwieġba.
Interessanti l-fatt li l-Ministru Camilleri ilu ġimgħat jirrifjuta li jilqa’ stediniet minn numru ta’ ġurnalisti.
//= $special ?>

