Lokali Qorti

Miċħud appell fuq kundanna għal serq u ksur tal-libertà proviżorja

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet l-appell imressaq minn Clive Micallef u kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet sabitu ħati ta’ serq minn ħanut fir-Rabat u ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Micallef kien instab ħati li bejn id-9pm u l-11pm tat-28 ta’ Lulju 2024, mill-ħanut “Pie Master” fi Triq Santa Rita, ir-Rabat, seraq fliexken tax-xorb u oġġetti oħra b’valur ta’ madwar €200. Huwa kien instab ħati wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja imposti fuqu b’digriet mogħti fl-4 ta’ Diċembru 2023 mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, kif ukoll li kien reċidiv.

Fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Frar 2025, il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannatu sentejn priġunerija, ordnat il-konfiska ta’ €1,000 depożitu u €1,000 mill-garanzija personali relatata mal-bail, kif ukoll ordnatlu jħallas €200 lill-vittma bħala kumpens u €315.12 spejjeż relatati mal-esperti.

Fl-appell tiegħu, Micallef argumenta li ma kienx hemm prova suffiċjenti li l-kundizzjonijiet tal-bail kienu għadhom fis-seħħ meta allegatament inkisru, u sostna li ma ġietx ippreżentata l-aħjar prova possibbli skont il-prinċipju tal-“best evidence rule”. Huwa appella wkoll mill-piena, billi sostna li l-Qorti ma tatx biżżejjed piż lill-aspett riformattiv u riabilitattiv.

Il-Qorti tal-Appell osservat li mill-atti proċesswali jirriżulta b’mod ċar li l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja kienu għadhom fis-seħħ, kif ikkonfermat mid-dokumenti esebiti mill-Assistent Reġistratur u mix-xhieda mogħtija. Sostniet li ma kienx meħtieġ li jixhed uffiċjal ieħor meta l-prova kienet diġà ġiet ippreżentata mill-awtorità kompetenti.

Fir-rigward tal-piena, il-Qorti enfasizzat li bħala regola ma tintervjenix jekk il-piena ma tkunx “manifestly excessive” jew “wrong in principle”. Wara li kkunsidrat in-natura tar-reati, ir-reċidiva tal-appellant u l-fatt li l-proċess tiegħu quddiem il-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga ma ntemmx b’suċċess, il-Qorti kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex tinbidel il-piena imposta.

Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet l-appell fl-intier tiegħu u kkonfermat is-sentenza appellata, bl-effett li t-termini kollha jibdew jgħoddu mid-data tad-deċiżjoni tal-appell, 19 ta’ Frar 2026.