Lokali

Opinjoni: Il-politika ta’ għada

Alex Borg hu tassew Prim Ministru ‘in-waiting’ u bniedem li jista’ tassew joffri paġna ġdida li pajjiżna jeħtieġ illum qabel għada. (Ritratt: Catriel Farrugia)
Fi tmiem din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza Konferenza Nazzjonali li fiha se jkun hemm diskussjoni miftuħa dwar aspetti importanti tal-politika tal-PN għal pajjiżna

Angelo Micallef
Fi tmiem din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza Konferenza Nazzjonali li fiha se jkun hemm diskussjoni miftuħa dwar aspetti importanti tal-politika tal-PN għal pajjiżna. Huwa eżerċizzju ambizzjuż u li jħares ’il quddiem, li kien imwiegħed minn Alex Borg fil-kampanja tiegħu għal Kap tal-Partit Nazzjonalista u li għalhekk issa qiegħed iżomm dik il-wegħda.
Eżerċizzju li fih il-politika tal-Partit Nazzjonalista qed tinfetaħ beraħ u tiġi magħġuna direttament mill-poplu. Dan mhux xi ‘mass meeting’ jew ‘rally’ fejn l-eżerċizzju huwa li jitwassal messaġġ, dan huwa proċess miftuħ għal kull min hu ta’ rieda tajba u jara proċess li permezz tiegħu l-politika tal-Partit Nazzjonalista se tkun waħda li mhux biss tirrifletti l-aspirazzjonijiet tal-poplu imma hija magħġuna direttament mal-poplu, id f’id.
Proċess li bih il-Partit Nazzjonalista qed jiftaħ il-bibien tiegħu mhux biss għall-attivisti tal-partit imma saħansitra għal kull min jixtieq b’xi mod ikun parti mill-proċess tat-tfassil tal-politika tal-PN anki jekk forsi ma jħossx li għandu jkun attivist tal-istess Partit Nazzjonalista.
Huwa stil politiku li jħares ’il quddiem, li jmur lil hinn mill-politika tal-blu u l-aħmar. Stil politiku ġdid u frisk li joffri lil pajjiżna raġġ ta’ tama, ta’ politika ġdida u ambizzjuża, ta’ politika fejn il-bniedem ikun fiċ-ċentru tal-proċess politiku. Stil politiku li jqarreb it-tfassil tal-politika lejn il-poplu, fejn it-tfassil tal-politika ma’ jibqax proċess sigriet li jsir ġo xi kamra minn ftit nies imma li jsir id f’id mal-‘istakeholders’ differenti u ma’ nies b’interessi differenti u b’ambizzjonijiet differenti.
Proċess li jgħin ukoll biex il-politika tal-Partit Nazzjonalista tkun ħolistika u li tħares lejn kulħadd. Politika inklussiva, li tifhem li aħna soċjetà b’interessi differenti, b’ċirkostanzi differenti u allura li teħtieġ stil politiku li jiċċelebra dawn id-differenzi u jħares id-differenzi.
M’għandi ebda dubju li l-Konvenzjoni Nazzjonali ta’ tmiem din il-ġimgħa se jkun pass ieħor importanti fil-mixja li qed jimxi l-Partit Nazzjonalista. Pass ieħor li jkompli jservi ta’ xhieda ta’ kemm tassew il-PN huwa l-gvern alternattiv li pajjiżna jeħtieġ u jixraqlu.
Pass ieħor li juri kemm Alex Borg hu tassew Prim Ministru ‘in-waiting’ u bniedem li jista’ tassew joffri lil pajjiżna l-paġna ġdida li kull min hu oġġettiv jaf li pajjiżna jeħtieġ illum qabel għada.
X’differenza mill-politika tal-bieraħ, tal-Prim Ministru Robert Abela li għadu jimxi bi stil politiku antik fejn il-ftit jiddeċiedu għal ħafna, fejn saħansitra l-Prim Ministru jieħu deċiżjonijiet mingħajr lanqas biss jikkonsulta mal-partit tiegħu stess, fejn uffiċjali għolja tal-Labour ikunu kostretti jirrikorru għall-Facebook biex jgħidu tagħhom, tant l-Prim Ministru mhuwiex jagħti kashom u mhuwiex jikkalkulhom meta jgħaġen il-politika tal-Gvern, li hu jmexxi.
Stil politiku fejn bħal donnu huwa mistenni li lkoll ngħidu Iva u Prosit lill-Gvern, u fejn bħal donnu l-politika tinbena bin-‘knee jerk reactions’ għaċ-ċirkostanzi tal-ġurnata u fejn l-uniku kalkolu huwa dak tal-voti. Politika b’nuqqas ta’ viżjoni u fejn l-interess nazzjonali huwa sekondarju għalkollox. Il-politika tal-bieraħ li bl-ebda mod ma’ tabraċċa s-soċjetà moderna li ngħixu fiha.
L-istedina ta’ tmiem dil-ġimgħa hija miftuħa, hija opportunità biex ilkoll nagħmlu differenza. Hija opportunità biex pajjiżna jkollu forza politika li tista’ tassew tagħmel differenza. Dan huwa pass ieħor minn kullana ta’ passi li għamel il-Partit Nazzjonalista biex ikun tassew il-gvern li jixraqlu pajjiżna.

Ċans uniku għall-Ungerija

Għall-ewwel darba f’ħafna snin il-poplu Ungeriż għandu opportunità tad-deheb li jeħles darba għal dejjem minn Viktor Orban u l-Gvern tiegħu.
Gvern li biegħed lill-Ungerija mill-familja Ewropea, qarriba lejn stati awtokratiċi bħar-Russja, u għadda romblu minn fuq l-aktar aspetti bażiċi tad-demokrazija. Gvern li juża kull tattika possibbli biex idgħajjef id-demokrazija.
L-Ungeriżi għandhom ċans uniku li jirritornaw lura fil-familja Ewropea ta’ demokraziji normali. Jirritornaw lura fuq in-naħa tas-sewwa, tal-libertà u tad-drittijiet tal-bniedem.
Wieħed jawgura li l-poplu Ungeriż ma’ jħallix it-tattiċi maħmuġa ta’ Orban jirbħu u jieħdu dan iċ-ċans uniku biex iwelldu mill-ġdid id-demokrazija f’Budapest.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 19 ta’ Frar, 2026.