Brian Azzopardi
Is-Sindku ta’ Victoria
Għawdex
Hija l-opportunità tagħna biex nuru r-rikkezza tal-kultura tagħna fil-beraħ, biex niċċelebraw min aħna, nirriflettu dwar minn fejn ġejna, u nsawru triq ġdida u kuraġġuża għall-futur tagħna.
Victoria minn dejjem kienet il-qalb kulturali, soċjali u amministrattiva ta’ Għawdex. Mill-ħitan imponenti taċ-Ċittadella, li għal eluf ta’ snin ħarsu fuq il-belt tagħna, sal-festi tal-patruni, il-kunċerti, l-opera u l-festivals li jimlew it-toroq tagħna bil-mużika u l-kulur.
L-identità tagħna hija msawra fil-wirt, fil-komunità u fil-kreattività. U huwa l-kontribut bla paragun tal-organizzazzjonijiet volontarji tagħna li tassew iddistinġew il-belt, sawru l-karattru tagħha, żammew ħajjin it-tradizzjonijiet, u mexxew il-progress tagħha b’dedikazzjoni li ma tmut qatt.
Nagħmlu l-wirt tagħna rilevanti mill-ġdid
Imma din il-kandidatura mhix biss dwar kif nagħtu ġieħ lil dak li għadda. Hi dwar kif nittrasformawh. Hi dwar kif nerġgħu nimmaġinaw il-wirt kulturali tagħna biex nagħmluh rilevanti, inklussiv u ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Din il-kandidatura qed nindirizzawha mhux bħala titlu li rridu nirbħu, iżda bħala moviment li rridu mmexxu, pjattaforma biex nibnu futur kulturali sostenibbli u dinamiku għal kulħadd.
Fil-qalba tal-kandidatura tagħna hemm verità sempliċi, dik li l-kultura tappartjeni lin-nies. Huwa għalhekk li l-komunità mhijiex biss involuta iżda hija l-forza li qed issuq din il-mixja.
Din mhix il-‘bid’ tiegħi. Hija l-‘bid’ tagħna. Iltqajna u qed niltaqgħu ma’ artisti, edukaturi, organizzazzjonijiet kulturali, studenti, negozji u residenti minn kull rokna ta’ Għawdex. Ir-residenti ta’ Victoria u l-poplu Għawdxi għandhom ideat, passjoni u kburija bla qies. Kemm jekk huma żgħażagħ jipproponu proġetti ta’ arti fil-miftuħ, kif ukoll jekk huma anzjani u allura jaqsmu tradizzjonijiet li jmorru lura ġenerazzjonijiet, l-ispirtu li qed jinbet huwa wieħed ta’ għaqda u ambizzjoni.
Kburin bl-għeruq tagħna
Qed nibnu kandidatura li tirrifletti min aħna bħala poplu; inklussivi, kburin fil-għeruq tagħna, u lesti naqsmu l-istorja tagħna mad-dinja.
Victoria hija belt fejn il-wirt u l-modernità jgħixu f’armonija. Aħna mberkin b’postijiet kulturali distinti; iċ-Ċittadella, il-knejjes barokki, it-Teatri ta’ Victoria, il-Mużew ta’ Għawdex, il-Banca Giuratale, kollha minsuġa fir-ritmu ta’ ħajjitna ta’ kuljum.
Imma l-ambizzjoni tagħna tmur lil hinn. Qed nippjanaw li noħolqu spazji kulturali ġodda biex nispiraw il-kreattività u l-inklużjoni: irridu nibdlu zoni mhux sfruttati f’postijiet ta’ wirjiet, studjos tal-arti, u spazji pubbliċi għall-espressjoni.
Qed nipproponu li nwasslu l-arti fit-toroq, fil-ġonna, fl-iskejjel, fin-nisġa stess tal-ħajja ta’ kuljum. U rridu niżguraw li kull spazju jkun aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-età, l-abbiltà jew l-isfond.
Barra minn hekk, l-ambjent naturali tal-gżira tagħna, l-għoljiet, ix-xaqlibiet, il-kosta unika, it-trankwillita tal-kampanja, mhux huma biss sfond għall-kultura tagħna izda aktar minn hekk; huwa parti minnha. Qegħdin naspiraw li nintegraw il-pajsaġġ naturali f’ esperjenza kulturali biex hekk noħolqu ambjent li huwa kemm sabiħ kif ukoll uniku.
Naturalment, ma ninsabux taħt xi illużjoni. Li tospita sena bħala Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura ġġib magħha responsabbiltà enormi, mill-ħtieġa ta’ programmazzjoni għoli ħafna sal-bini tal-infrastruttura meħtieġa biex nappoġġjaw żieda fil-viżitaturi u fl-involviment.
Qed naħdmu mill-qrib mal-Ministeru għal Għawdex, mar-Reġjun Għawdex, ma’ aġenziji governattivi, negozji lokali u sħab kulturali biex nippjanaw b’mod responsabbli u nwassluh b’effettività. L-għan tagħna mhuwiex li nissorprendu għal sena, iżda li noħolqu legat li jdum għal ġenerazzjonijiet.
Impenn favur l-eċċellenza
Barra minn hekk, aħna impenjati għall-eċċellenza. Kull proġett li nwettqu, kull avveniment li norganizzaw, kull sħubija li nibnu trid tkun tal-ogħla livell ta’ kreattività, aċċessibbiltà u impatt. Victoria u Għawdex ma jistħoqqilhom xejn inqas.
Din il-kandidatura hija aktar minn titlu; hija trasformazzjoni kulturali. Jekk se nirnexxu, il-benefiċċji se jkomplu jinħassu sew lil hinn minn 2031.
L-ekonomija tagħna se tikber, imħaddma mit-turiżmu kulturali u mill-industriji kreattivi. Iż-żgħażagħ tagħna se jsibu toroq ġodda permezz tal-arti u l-innovazzjoni.
Il-komunità tagħna se tħoss sens ġdid ta’ identità u kburija. U l-bqija tal-Ewropa se ssir taf sew il-qalb u r-ruħ tal-għażiża Belt Kapitali u Għawdex tagħna.
Dan huwa żmien eċċitanti. Żmien ta’ tama, viżjoni u skop komuni. Inħossni kburi, mhux biss bħala s-Sindku, iżda bħala ċittadin ta’ din il-belt straordinarja, li nkun parti minn dan il-mument. U kburi li nkun maġenb kull resident, kull artist, kull min joħlom, li jemmen f’dak li Victoria tista’ ssir.
Flimkien, nixitequ, irridu u persważ li nistgħu nagħmlu lill-Belt Victoria xempju ta’ kultura, kreattività u konnessjoni, eżempju li jidwi fuq il-palk lokali u dak Ewropew.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

