Opinjoni

Opinjoni: Stejjer inġusti jinstemgħu fil-Parlament

Ikun inġust magħna nfusna u mas-soċjetà jekk nibqgħu ngergru minn wara l-bieb tad-dar, jew minn wara xi keyboard u nieqfu hemm... Hemm bżonn li l-kliem iwassal għall-azzjoni
Illum tkun preżentata Private Members Bill dwar is-Solitudni lill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia

Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni
Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet
u l-Ġlieda Kontra l-Faqar

Illum fil-Parlament ta’ Malta ssir il-konferenza tal-Ġustizzja Soċjali taħt il-patroċinju tal-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti Dr Anġlu Farrugia. Fi tmiem il-Konferenza Ivan Bartolo jippreżenta Private Members Bill dwar is-Solitudni lill-Ispeaker.
L-ogħla istituzzjoni demokratika tal-pajjiż, għal sena oħra konsekuttiva, laqgħet konferenza dedikata għall-ġustizzja soċjali li fiha, għall-inqas għal ftit sigħat, il-mikrofoni ngħataw lill-bnedmin komuni. Bnedmin minn sfondi u realtajiet differenti ngħataw l-opportunità jitkellmu dwar l-inġustizzji li għaddew minnhom f’ħajjithom – stejjer li ħafna drabi jibqgħu barra mid-diskorsi politiċi formali.

X’se nisimgħu fil-Konferenza Nazzjonali tal-lum
Il-konferenza ġabret flimkien persuni li esperjenzaw diffikultajiet marbuta max-xogħol, mal-kirjiet, mal-faqar, mad-diżabbiltà, mas-saħħa mentali, u oqsma oħra fejn is-sistema, skont ix-xhieda tagħhom, naqset milli tipproteġihom jew tagħtihom vuċi. Minkejja d-differenzi bejn il-kelliema kollha, madankollu taħt saqaf wieħed hemm ħaġa waħda komuni: is-sens li għal żmien twil ma kinux mismugħa u issa ngħataw iċ-ċans li jgħidu tagħhom fil-preżenza ta’ xulxin, imma wkoll quddiem l-awtoritajiet konċernati.
Ta’ min isemmi wkoll li din il-konferenza se tkun trasmessa live fuq l-istazzjon tal-Parlament u anki Net Television.
Diversi kelliema sejrin jirrakkuntaw kif il-proċessi istituzzjonali spiss huma ’l bogħod mir-realtà ta’ min ibati. Oħrajn sejrin jitkellmu dwar il-biża’ li jitkellmu, it-tikketti soċjali, u l-konsegwenzi personali li ġġib magħha l-inġustizzja – minn ansjetà u dipressjoni sa nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet.
Dak li jagħmel din il-konferenza differenti kien li l-istejjer ma ġewx preżentati bħala statistika jew każijiet astratti, imma bħala esperjenzi umani diretti. Il-lingwaġġ sempliċi, kultant emozzjonali, u f’ħafna mumenti tqal, huma rifless tal-piż li dawn il-bnedmin qed iġorru magħhom kontinwament. Grati immens li l-Parlament Malti tahom spazju u sab il-ħin għalihom biex jitkellmu.
Ta’ min isemmi li din il-kampanja bdiet dieħla fil-kalendarju ta’ dawk li għandhom għal qalbhom il-Ġustizzja Soċjali, anki ta’ dawk li b’xi mod is-suġġett jolqothom direttament jew indirettament. Mill-għada tal-konferenza diversi individwi jikkomunikaw mat-tim u mad-Deputat Ivan Bartolo nnifsu sabiex jieħdu ċ-ċans li jitkellmu għas-sena ta’ wara. Maż-żmien ikun hemm min jaqta’ qalbu, imma l-maġġoranza ta’ dawk li javviċinaw jibqgħu konsistenti f’dak li jkunu jixtiequ jgħidu sa ma jaslu.

Mill-kliem għall-azzjoni
Madankollu, filwaqt li l-fatt li dawn il-vuċijiet jinstemgħu fil-Parlament u dan hu pass importanti, madankollu tibqa’ mistoqsija kruċjali f’bosta. Dan kollu jwassal għall-azzjoni? Għax għal ħafna mill-kelliema din ma kinetx biss okkażjoni simbolika, imma appell għal bidla reali fil-politiki, fil-liġijiet u fil-mentalità. Tul is-snin, hemm stejjer ta’ suċċess, oħrajn għadhom jitħabtu biex issir ġustizzja, mentri stejjer oħra jmutu darba għal dejjem.
Madankollu jkun inġust magħna nfusna u mas-soċjetà jekk nibqgħu ngergru minn wara l-bieb tad-dar, jew minn wara xi keyboard u nieqfu hemm. Din il-konferenza sservi u tfakkar li d-demokrazija ma tgħixx biss fid-dibattiti politiċi, imma wkoll fil-kapaċità li tisma’ lil dawk li normalment ma jkollhomx aċċess għall-poter. Jekk dawn il-vuċijiet jibqgħux jidwu lil hinn mill-ħitan tal-Parlament, issa jiddependi minn min għandu r-responsabbiltà li jisma’ – u jaġixxi.
Il-konferenza dalgħodu tinfetaħ u tingħalaq mill-President tal-Kamra Anġlu Farrugia, u l-kelliema għal din is-sena huma Vanessa Mifsud Partanier fejn bħala ġenitur se titkellem dwar sfidi tat-tfal b’diżabbiltà, Michael Debattista dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Persuni b’Diżabbiltà, Aldo Calleja dwar ir-riskji u d-detriment tas-Saħħa fiżika u mentali, Anna Marija Baldacchino dwar tniġġis mill-istorbju, Doreen Mamo dwar sfidi ta’ saħħa mentali, Marika Borg Writh dwar sfidi soċjali fil-Komunita Maltija, Michael Sammut dwar regolamenti tal-Kirjiet u l-Anzjani, Emanuel Calleja dwar il-ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fejn jidħlu d-Djar, Albert Cilia Vincenti dwar anomalija fil-Pensjonijiet, Anthony Degiovanni dwar l-Anzjani u Anatole Baldacchino dwar l-inġustizzja li saret mal-vittmi tat-Thalidomide. L-għeluq isir minn żewġ membri ta’ kull naħa tal-Kamra tad-Deputati.

Nibdew b’quddiesa
Il-jum jiftaħ b’quddiesa fil-Knisja tal-Vitorja l-Belt Valletta minn Mons. Ġorġ Frendo, Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durres fl-Albanija. Dan hu mument spiritwali li jservi ta’ spazju u meditazzjoni qabel diskussjoni umana li poġġiet fil-qalba tagħha l-esperjenzi ta’ bnedmin li se jġibu magħhom weġgħa, fejn waqt il-ħin tal-offertorju tiġi preżentata simbolikament fuq l-artal tas-sagrifiċċju.

Il-konferenza tal-lum ġabret flimkien persuni li esperjenzaw diffikultajiet marbuta max-xogħol, mal-kirjiet, mal-faqar, mad-diżabbiltà, mas-saħħa mentali u oqsma oħra fejn is-sistema, skont ix-xhieda tagħhom, naqset milli tipproteġihom jew tagħtihom vuċi

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 19 ta’ Frar, 2026.