Lokali

Opinjoni: Stejjer ta’ Ġaħan – Influencer u abort

Il-qari minnu nnifsu ma jkattarlekx il-valur tiegħek bħala individwu fis-soċjetà, imma jibdlek f’individwu ta’ aktar valur

Mark A. Sammut Sassi

Xi ftit tal-jiem ilu, xi ħadd urieni vidjo ta’ influencer li ressaq argument interessanti imma li fl-istess waqt iħallik imbellaħ. Saqsa, “Jien ili ma naqra ktieb aktar minn 20 sena: allura l-valur tiegħi fis-soċjetà hu inqas għax ma naqrax kotba?”
Kien qed jirreaġixxi għat-tħeġġiġ li jsir biex jinqraw aktar kotba.
Dal-influencer, m’għandniex xi ngħidu, mhux bozza tal-elf. Hu minn ewl id-dinja li l-valur ta’ individwu ma jiddependix minn jaqrax kotba jew le. Kull bniedem għandu valur intrinsiku għax hu bniedem, għax jappartjeni għall-ġeneru uman.
Imma l-influencer qal “valur fis-soċjetà”. F’din naħseb li żelaq fin-niexef. Qed jaħseb li l-qari hu bla valur intrinsiku. L-impressjoni li jagħtini hu ta’ xi ħadd li qata’ qalbu mill-qari u bena opinjoni msejsa fuq il-fantasija, il-biżgħat, u x’jaħseb hu, inkella fuq it-tiftix veru.
Imma ejja nibdew minn analoġija: il-gym. Ħadd ma jobbliga lil ħadd imur il-gym; tmur għax trid. U jekk ma tmurx il-gym, ħadd mhu se jiġi jgħid li naqaslek il-valur tiegħek bħala membru tas-soċjetà. Imma jekk tmur il-gym, tiġri xi ħaġa ġo fik li, b’xi mod jew ieħor, fil-verità tgħollihulek il-valur tiegħek.
Jekk tmur il-gym u tħaddem il-muskoli, tibda tara li mhux biss tieħu nifs aħjar, ċertu weġgħat u wġigħ tal-immobilità jgħibu, u toktorlok il-flessibilità u titjieblek il-kordinazzjoni. Imma jiġri wkoll li tiżdiedlek is-saħħa, f’dirgħajk, f’riġlejk, u f’partijiet oħrajn tal-ġisem. Issib li tiflaħ terfa’ piżijiet itqal u tiflaħ timxi aktar fit-tul u b’aktar ħeffa mingħajr ma taqta’ nifsek, mingħajr ma ssir għarqan xraba, u mingħajr ma qalbek tixpakkalek f’sidrek.
It-taħriġ fil-gym ma jżidlekx il-valur bħala individwu fis-soċjetà, imma jżidlek il-valur bħala individwu. Minn xi ħadd merħi jagħmlek xi ħadd ferħan, b’muskolatura li għandha l-ħila terfa’ t-toqol u ġġorru għal ħinijiet itwal. Hekk kif il-weights għandhom effett pożittiv u benefiku fuq il-muskoli, bl-istess mod il-kotba għandhom benefiċċji fuq il-moħħ. Il-kotba huma l-weights tal-moħħ.
Dal-influencer ma fehemx li int taqra ktieb mhux bilfors tfittex it-tagħlim. Anzi, meta tikber il-ħtieġa li titgħallem ħwejjeġ ġodda tonqos. Int taqra ktieb l-aktar biex tħaddem moħħok, aktar u aktar jekk ikun ktieb ieħor fuq suġġett li ilek ħafna taqra dwaru. Għax jiġri li taqra l-ktieb u ssib lilek innifsek ma taqbilx ma’ dak li jkun hemm miktub. Dejjem, m’għandniex xi ngħidu, jekk taqra b’approċċ kritiku, mhux approċċ passiv jew saħansitra beżgħan. Dan hu li jiġri meta tkun qattajt snin twal taqra, mal-kotba jibda jkollok djalogu, u tibda tara fejn taqbel u fejn ma taqbilx, u għaliex.
Dal-qari kritiku jiswa ta’ mejlaq fejn issinn il-ħiliet tiegħek ta’ kritika. Titgħallem tifhem argument u tiżnu, ħalli fejn taqbel tkun taf li qed taqbel u għaliex, u fejn ma taqbilx l-istess tkun taf u tkun ukoll taf kif tirribatti l-argumenti li ma taqbilx magħhom. Jiġifieri, bil-qari titgħallem issegwi l-argument ta’ ħaddieħor u titgħallem taħseb b’mod strutturat. Titgħallem ukoll tibni l-argumenti tiegħek b’mod strutturat u twassalhom għand ħaddieħor b’mod li ħaddieħor isegwihom u jifhimhom.
Il-qari minnu nnifsu ma jkattarlekx il-valur tiegħek bħala individwu fis-soċjetà, imma jibdlek f’individwu ta’ aktar valur.
Ħafna nies li jsegwuni fuq it-TV u jisimgħu xi jkolli xi ngħid, jgħiduli kliem sabiħ għal kif nibni l-argumenti tiegħi. Is-sigriet hu wieħed u wieħed biss: il-qari. Bil-qari nkabbar u nsaħħaħ kontinwament il-ħila li nibni argument u nwasslu għand ħaddieħor b’mod li ħaddieħor isegwi u jifhem x’jien ngħid.
Jekk verament għandi ħila nitkellem fuq it-TV, mhux għax niftaħ ħalqi u l-kliem jissensel waħdu. Ftit li xejn nemmen fil-mirakli, jien. Il-verità hi li dak li n-nies jaraw fuq it-TV hu frott sigħat twal ta’ qari (u anki ta’ vidjos intellettwali fuq YouTube), u ta’ riflessjoni fuq l-istess qari. F’dawk is-sigħat noqgħod niżen fil-miżien ġewwien tiegħi naqbilx jew le mal-awtur, u għaliex. U bħalma min jitħarreġ fil-gym jiflaħ jerfa’ piżijiet tqal, hekk ukoll min jaqra l-kotba jiflaħ jerfa’ ħsibijiet tqal. (Mhux ta’ b’xejn il-Malti jgħid, “moħħ li jerfa’”!)
Dal-aħħar xtrat ktieb bit-Taljan, maħruġ mis-Sellerio ta’ Palermu, dwar Giufà – stejjer ta’ Ġaħan. Għax Ġaħan tagħna, Giufà għall-Isqallin, u Ġuħà għall-Għarab hu l-istess persunaġġ. Le storie di Giufà, editjat minn Francesca Maria Corrao, hu ġabra ta’ stejjer dwar l-injoranza kif jaraha min hu intelliġenti, u min hu intelliġenti u kolt. Huma miktubin b’tant ħila li xi kultant fid-dalma tal-istupidità ta’ Ġaħan tilmaħ merżuq dawl ta’ għerf. Imma appuntu għax merżuq, jgħaddi u jgħib fix-xejn.

Petizzjoni kontra l-Abort

Sadattant, għaddejja petizzjoni għall-Unjoni Ewropea sabiex ma tgħaddix liġi stupida u inumana li tippermetti li flus tal-UE jintużaw biex mara tmur tagħmel abort f’pajjiż ieħor. Jekk jogħġobkom iffirmawha dil-petizzjoni, ħa nuruhom li Aħna Favur il-Ħajja.
Ngħid id-dritt bdejt nixba’ bih dal-Faxxiżmu Liberali, fejn kulħadd irid bilfors jimxi mal-ideoloġija dominanti. Pereżempju Franza għandhom problema serja għax il-popolazzjoni qed tixjieħ u mhux jitwieldu biżżejjed trabi, u fl-istess waqt daħħlu l-jedd tal-abort bħala jedd imħares mill-Kostituzzjoni. Taqblu miegħi li din storja oħra ta’ Ġaħan? Min jaf x’jiġi “Ġaħan” fil-Franċiż?

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 19 ta’ Frar, 2026.