Lokali Qorti

Priġunier jagħti l-ewwel informazzjoni dwar allegat frodi minn Tammy Caruana fejn mal-200 persuna ngidmu miljun ewro

L-investigazzjoni dwar il-frodi allegatament imwettqa minn Tammy Caruana, żagħżugħa ta’ 25 sena minn San Pawl il-Baħar, bdiet meta priġunier f’Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ta l-ewwel tagħrif lill-pulizija dwar l-attivitajiet kriminali tagħha.

Skont l-ispettur Claire Vella Borg, il-pulizija bdiet tirċievi rapporti minn klijenti tal-Bank of Valletta (BOV) lejn l-aħħar ta’ Settembru 2024, li kollha indikaw li persuna femminili kienet ċemplithom minn numru li jixbah dak tal-bank u tuża ismijiet differenti biex tiggwidahom fi tranżazzjonijiet fittizji.

L-Ispettur Vella borg qalet ukoll li f’Awwissu, l-Pulizija rrikorriet għand l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi fejn iltaqgħu ma’ persuna li b’mod kunfidenzjali qaltilhom li kienet taf min kienet il-persuna femminili wara l-iscam, u qaltilhom li din kienet ma taħdimx, issuq BMW u tathom l-indirizz tagħha f’Ħal Luqa fejn kienet toqgħod.

Il-każ, li gidem aktar minn 200 persuna u li involva ammont ta’ flus totali ta’ madwar €1 miljun, qed jiġi investigat b’mod intensiv mill-FCID u ġie preżentat quddiem il-Maġistart Lara Lanfranco, filwaqt li l-akkużata qed tiffaċċja diversi akkużi ta’ frodi u skema kriminali konnessa mal-identità tal-bank.

Fis-seduta tal-Ħamis, l-Ispettur Claire Vella Borg, stazzjonata fil-FCID, dwar il-każ ta’ Tammy Caruana, akkużata li allegatament ffrodat aktar minn 200 persuna billi tagħmilha li kienet rappreżentanta tal-Bank of Valletta. L-ammont totali ta’ flus involuti s’issa laħaq madwar €1 miljun u dan in-numru jista’ jikber.

L-Ispettur Vella Borg spjegat li lejn l-aħħar ta’ Settembru 2024, il-pulizija bdiet tirċievi diversi rapporti mingħand klijenti tal-BOV, kollha jindikaw li persuna femminili kienet ċemplithom minn numru li jixbah dak tal-bank u titkellem bil-Malti, tuża ismijiet differenti bħal Rachel u Sarah, u tgħidilhom li kien hemm tranżazzjoni li għandhom jiċċekkjaw.

Il-mara kienet tiggwidahom biex jidħlu f’link li kien simili ħafna għal dak tal-BOV u jdaħħlu l-username u signatures, filwaqt li t-telefonata kienet tintemm wara li kienet assigurathom li l-transazzjoni kienet waqfet. Madankollu, wara xi żmien il-vittmi bdew jirċievu notifiki mill-bank dwar tranżazzjonijiet reali li saru f’ammonti li ma jaqblux ma’ dak li kienu konxji tiegħu, xi wħud saħansitra aktar minn darba.

L-Ispettur spjegat li l-investigazzjoni kienet intensiva u kompliet billi l-pulizija kkuntattjaw il-bank sabiex jiksbu IP addresses. Irriżulta li wieħed mill-IP kien lokalment tal-vittmi u ieħor beda jindika pajjiżi barranin, inkluż l-Ingilterra, l-Irlanda, it-Turkija u l-Italja. F’Mejju 2025, rapporti identiċi bdew jaslu mill-APS, u x-xhieda kienet tirrifletti l-istess mod ta’ kif il-vittmi kienu qegħdin jiġu mqarrqa.

Mill-investigazzjoni preliminari u l-evidenza miksuba, ħarġet ħarsa dettaljata lejn kif l-akkużata allegatament kienet tħejji u tmexxi skema li wasslet biex flus foloz jew kontijiet ġenwini tal-bank jiġu manipolati, waqt li l-vittmi kienu mgħallma biex jidħlu f’links identiċi għal dawk tal-BOV u jidħlu l-informazzjoni tagħhom b’mod ingannevoli.

L-ispettur investigattiv qalet li l-pulizija għamlet żmien tiddubita’ jekk l-persuna kinitx waħda reali jew AI Generated, minħabba li rapporti tal-vittmi kienu daqstant simili. Fir-rapporti, wħud qalu wkoll li fi tmiem it-telefonata, l-akkużata kienet tgħidilhom iħassru l-app tal-bank u jinstallawha mill-ġdid.

It-tħassib kien iqum wara li l-vittmi kienu jibdew jirċievu messaġġi ġenwini mill-bank lokali dwar transazzjonjiet li jvarjaw bejn mijiet u eluf ta’ ewro. L-ogħla ammont kien ikun ta’ madwar €5,000. Madankollu uħud sfaw vittmi aktar minn darba. Hawnhekk il-vittmi kienu jċemplu lill-bank u jiġu ggwidati sabiex jagħmlu rapport lil-pulizija.

F’Awwissu, permezz ta’ informazzjoni kunfidenzjali, il-pulizija saret taf li l-persuna wara l-allegata frodi kienet mara li kienet tqatta’ ħafna ħin titkellem mal-klijenti u tuża BMW. Meta saru l-verifiki, sabu li fil-fatt kienet toqgħod f’residenza ta’ nannuha f’Ħal Luqa.

Mill-investigazzjoni aktar wiesgħa wriet li l-akkużata kienet tgħix stil ta’ ħajja lussuża, billi kienet tuża karozzi mikrija, tixtri affarijiet tad-ditta, tiekol barra, tordna Bolt u Wolt, tikri appartament f’Tas-Sliema u tagħmel trattamenti estetiċi regolari. Intqal ukoll li kienet tagħmel depożiti mill-crypto u tikkonvertihom fi flus kontanti permezz ta’ Revolut, filwaqt li l-kontijiet f’banek lokali kienu jintużaw sporadikament.

Il-pulizija wettqu tfittxijiet f’residenzi relatati mal-akkużata, sabu kontanti moħbija ta’ €8,000 fi flus kontanti u apparat elettroniku, inkluż kompjuters Mac, iMac, MacBook Air u żewġ iPhones. L-akkużata rrifjutat tagħti passwords għall-apparat. Anke n-nannu rrifjuta l-assistenza legali meta ta stqarrija lill-pulizija.

Matul il-proċeduri, xehdet ukoll rappreżentanta tal-BOV li ppreżentat dokumenti relatati mal-vittmi u enfasizzat li l-bank qatt ma jibgħat links permezz ta’ messaġġi. Tammy Caruana ġiet arrestata fit-2 ta’ Frar u miżmuma taħt arrest preventiv. Il-każ ikompli quddiem il-Maġistart Lara Lanfranco.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Claire Vella Borg flimkien mal-Avukati Marica Ciantar u Mauro Abela f’isem l-Avukat Ġenerali, waqt li għall-akkużata deher l-Avukat Roberto Spiteri. Għal Bank of Valletta deher l-Avukat Stefano Filetti.