Lokali

Qabel il-protesta ta’ nhar is-Sibt li ġej

Aktar minn 150 artist u individwu ieħor involuti fix-xena artistika Maltija kitbu lill-Ministru tal-Kultura u lis-CEO tal-PBS biex, sakemm Iżrael jitħalla jipparteċipa, Malta tirtira mill-Eurovision 2026. L-ittra ntbagħtet qabel il-protesta tas-Sibt li ġej, ‘Malta: L-Ebda Mużika għall-Ġenoċidju’, li se tibda minn quddiem il-Parlament fit-3pm u timxi lejn il-Ministeru tal-Kultura fil-Belt Valletta.

Artisti li jinkludu mużiċisti, atturi, diretturi tat-teatru, produtturi tal-films, fotografi u oħrajn iddikjaraw fl-ittra tagħhom lill-Gvern li wasal iż-żmien li naġixxu b’kuraġġ u kuxjenza.

Huma fakkru lill-Gvern li l-avvenimenti kulturali qatt ma huma politikament newtrali.

Il-Eurovision innifsu ħoloq preċedent meta pprojbixxa l-parteċipazzjoni tar-Russja wara l-invażjoni tagħha tal-Ukrajna, billi rrikonoxxa li pjattaformi bħal dawn m’għandhomx jintużaw biex jilleġittimizzaw l-aggressjoni u l-abbużi tad-drittijiet umani. Madankollu, illum, Iżrael – li qed iwettaq dak li n-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxiet bħala każ ta’ ġenoċidju f’Gaża u qed jokkupa b’mod illegali art Palestinjana u partijiet mil-Libanu u s-Sirja – qed jitħalla jipparteċipa xorta waħda.

Il-firmatarji enfasizzaw li l-parteċipazzjoni fil-Eurovision flimkien ma’ Iżrael tikkontribwixxi għal proċess ta’ whitewashing u normalizzazzjoni ta’ azzjonijiet li qed jeqirdu b’mod sistematiku ħajjiet Palestinjani, jimmiraw lejn il-popolazzjoni ċivili, u jiksru l-liġi internazzjonali b’impunità.

L-ittra tirrikonoxxi li l-Eurovision huwa pjattaforma importanti għall-artisti Maltin. Tiddikjara wkoll, iżda, li meta avveniment kulturali jintuża biex jaħbi jew jilleġittimizza l-atroċitajiet, il-parteċipazzjoni ma tibqax newtrali u ssir approvazzjoni politika. Billi tingħaqad ma’ Spanja, l-Irlanda, is-Slovenja, in-Netherlands u l-Iżlanda fl-irtirar, Malta tibgħat messaġġ qawwi: li l-kultura trid tibqa’ spazju ta’ responsabbiltà, mhux wieħed li jaħbi r-reati.

L-artisti temmew billi ddikjaraw li l-irtirar mill-Eurovision 2026 ma jkunx sempliċement ġest simboliku, iżda obbligu morali allinjat mal-prinċipji ddikjarati ta’ Malta dwar il-ġustizzja, id-drittijiet umani u d-dinjità għall-popli kollha.