Kummerċ Lokali

Seminar organizzat mill-BOV Asset Management jistabbilixxi l‑prijoritajiet għall‑2026

Insaħħu l-kollaborazzjoni għal riżultati aħjar għall-klijenti

Rappreżentanti u speċjalisti mill‑fergħat tal‑Bank of Valletta ngħaqdu flimkien mat-tim tal-BOV Asset Management f’seminar bil-għan li janalizzaw il‑prestazzjoni tal‑Bank fl‑2025, iħarsu lejn il‑prospetti tas‑swieq, u jallinjaw il‑prijoritajiet għall‑2026. Id‑diskussjonijiet kienu mibnija fuq punt wieħed ċar: li jitwasslu riżultati aħjar għall‑klijenti permezz ta’ servizz aktar b’saħħtu u kollaborazzjoni aktar effettiva madwar il‑Bank.

Is‑seminar enfasizza wkoll fuq l‑evoluzzjoni tal‑mudell operattiv tal‑Bank, immexxi mill‑prinċipju li kollox idur mal‑klijent. Il‑Bank qed jiffoka fuq aktar inizjattivi biex jilħaq iżjed klijenti u jkollu u relazzjonijiet eqreb magħhom, biex iwassal servizz eċċellenti b’mod konsistenti, appoġġjat b’investiment f’channels ġodda, teknoloġija avvanzata, u impenn sod lejn standards professjonali.

It‑tim tal‑BOV Asset Management qasam l‑iżviluppi ewlenin fis‑swieq globali matul l‑2025 u x’wieħed għandu jfittex fl‑2026. Is‑swieq tal‑ekwità rreġistraw it‑tielet sena konsekuttiva ta’ qligħ qawwi fl‑2025, b’volatilità notevoli li kienet influwenzata minn bidliet strutturali marbuta mal‑IA (Intelliġenza Artifiċjali), tensjonijiet kummerċjali u sorpriżi politiċi. Il‑prospetti għall‑2026 ġew deskritti bħala ġeneralment pożittivi, appoġġjati minn inflazzjoni li qed tikkalma u bażijiet fundamentali b’saħħithom, filwaqt li ġew rikonoxxuti r-riskji potenzjali marbuta mal-bidliet fil‑politika tal‑banek ċentrali u l-iżviluppi ġeopolitiċi.

Fil‑ftuħ tas‑sessjoni, Geoffrey Ghigo, Kap tal‑Personal Banking Channels, tkellem dwar il‑momentum tal‑Bank, immexxi minn eżekuzzjoni dixxiplinata, gwida infurmata, u l‑għajnuna lill‑klijenti biex jinnavigaw il‑bidla b’mod kunfidenti. Simon Azzopardi, Chief Personal and Wealth Officer, qal, “l‑2026 se tkun sena ta’ trasformazzjoni, u rridu li l‑klijenti tagħna jħossu d‑differenza fil‑kwalità tal-konversazzjonijiet tagħna, fil‑konsistenza tas‑servizz tagħna, u fil‑fiduċja li nġibu f’kull interazzjoni. Kollaborazzjoni aktar b’saħħitha bejn il‑frontlines u l‑ispeċjalisti tagħna hija kif se nibnu relazzjonijiet aktar profondi u nwasslu riżultati aħjar għall‑klijenti.”

Fi tmiem l‑attività, Peter Paul Cilia, Kap ta’ BOV Asset Management, enfasizza l‑impenn kontinwu tal‑kumpanija biex tappoġġja lill‑kollegi madwar in‑netwerk tal-Bank. “Dan is‑seminar jirrifletti kif nirbħu bħala Bank wieħed; jiġbor flimkien l‑għarfien tagħna fl‑immaniġjar tal-assi u s‑saħħa tat‑timijiet tagħna madwar Malta u Għawdex biex inwasslu valur reali lill‑klijenti. Fl‑2026, il‑mira tagħna tibqa’ li nappoġġjaw lill‑kollegi tagħna madwar il‑Bank b’għarfien f’waqtu, direzzjoni ċara tal‑prodotti u l‑għodod meħtieġa biex ikollna konversazzjonijiet ta’ kwalità għolja biex il-BOV ikompli jżomm postu bħala l‑Bank tal‑Għażla.”