Lokali Qorti

Żewġt irġiel jinżammu arrestati fuq allegat serq ripetut minn vann f’Tas-Sliema

Żewġt irġiel inżammu taħt arrest preventiv wara li tressqu l-Qorti akkużati b’sensiela ta’ serqiet allegatament mill-istess vann f’Tas-Sliema. Aaron Sammut ta’ 33 sena mill-Ħamrun u Carol Mangion ta’ 58 sena mill-Gżira wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, il-Pulizija qalet li bdiet tinvestiga wara erba’ rapporti ta’ serq li allegatament saru bejn l-10 ta’ Diċembru 2025 u t-3 ta’ Frar 2026. Mill-analiżi tal-filmati tas-CCTV, l-investigaturi identifikaw vettura li allegatament tappartjeni lil Mangion. Wara aktar verifiki fuq l-istess filmati, ġie identifikat ukoll Sammut.

Kollox jindika li l-każ jinvolvi serq ta’ xorb minn vann li jappartjeni lil sid ta’ ristorant, u li kien jintuża bħala post ta’ ħażna. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest ta’ Mangion, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li Mangion jaf fejn joqgħod il-vittma u kien żar l-istess sit aktar minn darba. Sostniet ukoll li l-vittma huwa x-xhud ewlieni fil-każ u għalhekk teżisti biża’ ta’ intralċ ta’ provi.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ u ordnat li ż-żewġ irġiel jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Shawn Pawney flimkien mal-Avukati Martina Muscat u Marcea Fenech.