Raġel ta’ 43 sena, mingħajr indirizz fiss, ġie kkundannat għal 14-il xahar priġunerija effettiva wara li ammetta li wettaq serq minn ħanut tan-National Lottery fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan. Fis-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, il-Qorti sabet lil Rod Cini ħati fuq l-ammissjoni volontarja u inkondizzjonata tiegħu għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Il-każ jikkonċerna serq li allegatament seħħ fis-27 ta’ Novembru 2025 bejn is-7pm u l-10pm, fejn insterqu flus u oġġetti b’valur li jaqbeż €232.94 iżda ma jeċċedix €2,329.37. L-imputat kien akkużat ukoll li kiser żewġ Ordnijiet ta’ Trattament preċedenti imposti fuqu fl-2023 u fl-2025 mill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, kif ukoll li rrenda ruħu reċediv.
Il-Qorti nnutat li l-imputat għandu problema akuta ta’ abbuż u dipendenza fuq id-droga u qieset l-ammissjoni bikrija tiegħu kif ukoll iċ-ċirkostanzi tal-każ. Barra l-piena ta’ priġunerija, Cini ġie mmultat €100, li trid titħallas fi żmien xahar minn meta jiskonta s-sentenza effettiva.
Il-Qorti ordnat ukoll li l-ħati jħallas kumpens ta’ €450 lill-vittma, liema ammont irid jitħallas fi żmien ħames xhur minn meta jiskonta l-piena ta’ ħabs. Barra minn hekk, inħarġet Ordni ta’ Trażżin għal perjodu ta’ tliet snin favur il-persuna offiża sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà tagħha. Il-Qorti spjegat lill-imputat li kwalunkwe ksur tal-ordni jista’ jwassal għal multa sa €7,000 jew sa sentejn ħabs, jew it-tnejn flimkien.
Minħabba l-problema tad-droga tiegħu, Cini tqiegħed ukoll taħt Ordni ta’ Trattament għal tliet snin sabiex jingħata l-kura u l-għajnuna meħtieġa. Il-Qorti wissietu li jekk ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-ordni jista’ jeħel multa sa €1,164.69.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti rrakkomandat ukoll lid-Direttur tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi biex jiġi żgurat li l-ħati jingħata l-għajnuna u l-kura kollha neċessarja, inkluż appoġġ psikoloġiku.
//= $special ?>

