Lokali

70 persuna nstabu fil-pajjiż b’mod irregolari


Fl-aħħar jiem il-Pulizija kompliet bil-ħidma kontra għixien u xogħol irregolari fil-pajjiż.

F’operazzjonijiet differenti madwar Malta ġew arrestati 70 persuna li nstabu fil-pajjiż b’mod irregolari f’ċirkostanzi li juru li kienu qegħdin fil-pajjiż għal skopijet ta’ xogħol mingħajr il-permessi u liċenzji neċessarji. Dan bi ksur tal-Att dwar l-Immigrazzjoni.

Dawn l-ispezzjonijiet saru fuq it-trasport pubbliku, fuq vetturi li jġorru l-passiġġieri u siti ta’ kostruzzjoni.

Dawn in-nies kienu ġejjin mis-Sirja, in-Niġerja, in-Nepal, il-Kosta tal-Avorju, il-Għana, il-Mali, il-Gambja, in-Niġer, il-Yemen, il-Ġordan, il-Pakistan u mill-Indja. Dawn il-persuni kollha qed jinżammu f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm issir il-ħidma biex jitneħħew mill-pajjiż.

Din il-ħidma saret b’koordinament ma’ JobsPlus u Identità. Jassistu lill-Pulizija f’din il-ħidma kien hemm ukoll uffiċjali mill-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni.