Ir-relazzjonijiet tajbin li għandu pajjiżna mal-Istati Uniti tal-Amerika kienu diskussi bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u l-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta Somers Farkas fl-ewwel laqgħa uffiċjali bejniethom li saret illum fid-Dar Ċentrali.
Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi bdew sena qabel Malta kisbet l-Indipendenza fl-1964 meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Ġorġ Borg Olivier kien iltaqa’ mal-President Amerikan John F. Kennedy fil-White House.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li se jibqa’ jaħdem biex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jissaħħu waqt li l-Ambaxxatriċi Amerikana – li għadha kif inħatret f’dan ir-rwol ftit xhur ilu – ukoll enfasizzat li se tkompli tara li jissaħħu r-rabtiet bejn Malta u l-Istati Uniti fost l-oħrajn fl-ekonomija, fin-negozju u fit-turiżmu.
Fost it-temi diskussi bejn iż-żewġ naħat waqt din il-laqgħa kien hemm l-infurzar tal-liġi u l-għajnuna Amerikana lil Malta f’dan il-qasam, kif ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, bil-Kap tal-PN jinnota l-isforzi li qed isiru mill-Gvern Amerikan għar-ritorn tal-paċi f’dawn il-kunflitti.
Matul il-laqgħa, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, is-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni Damien Spiteri.


