Lokali Parlament

Ħames tunnellati u nofs ta’ tessuti fil-bins fl-2025

L-ammont ta’ tessuti miġbur minn Wasteserv matul l-2025 huwa ftit inqas minn ħames tunnellati u nofs.

Is-settur li jiġbor direttament it-tessuti użati għall-użu mill-ġdid huwa mmexxi mis-settur privat, bħal charity shops. Jekk dawn it-tessuti użati jiġu esportati, l-ERA ma jkollhiex informazzjoni dwar il-kwantitajiet u l-valur tat-tessuti miġburin u esportati (bħala prodott).

Fil-każ li t-tessuti jiġu esportati bħala skart, dawn isegwu l-proċeduri Ewropej li jirregolaw vjaġġi ta’ skart, u l-ERA tiġi infurmata. Normalment, dawn it-tessuti jiġu esportati għar-riċiklaġġ u mhux għar-rimi.

Dan fissritu fil-Parlament Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika; għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonlista Rebekah Borg.

Meta l-Ministru wieġbet mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonlista Rebekah Borg, kien spjegat li l-ERA tirregola wkoll l-immaniġġjar lokali tat-tessuti tal-iskart li bħalissa jinġabru minn operatur privat (il-bins blu). It-tessuti kollha depożitati f’dawn il-bins jitqiesu bħala skart u għalhekk l-immaniġġjar tagħhom huwa regolat permezz ta’ permess maħruġ mill-ERA.

Kien ukoll spjegat li ma jkunx hemm informazzjoni dwar il-valur ekonomiku tat-tessuti li jiġu esportati, imma biss informazzjoni fuq kwantitajiet ta’ tessuti esportati bħala skart.

Jirrriżulta wkoll minn aktar mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonlista, li ma kien hemm l-ebda esportazzjoni ta’ skart tat-tessuti minn Malta lejn destinazzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar ħames snin. L-istanzi fejn skart tat-tessuti ntbagħat barra minn Malta f’dawn is-snin kienu kollha diretti lejn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u twettqu f’konformità mar-regolamenti dwar vjaġġi ta’ skart (shipments of waste).

L-emendi tad-Direttiva riveduta dwar l-Iskart (Direttiva (UE) 2025/1892) jintroduċu numru ta’ miżuri li għandhom jiġu implimentati qabel l-2028 biex tittejjeb it-trasparenza u l-governanza fis-settur tat-tessuti. Fosthom, jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar ċari dwar il-ġbir separat tat-tessuti, il-prijoritizzazzjoni tal-użu mill-ġdid lokalment fejn dan hu possibbli, u mekkaniżmi biex jiġi żgurat li tessuti użati ta’ kwalità tajba biss jiġu esportati barra mill-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, bħalissa qed jitħejjew il-provvedimenti neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva skont il-perjodu ta’ żmien stabbilit.