Lokali

Ikomplu d-diskussjonijiet dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef

Komplew id-diskussjonijiet bejn l-Oppożizzjoni u l-Gvern dwar il-ħatra tant importanti tal-Prim Imħallef, hekk kif il-Ħamis filgħaxija f’kummenti li ta lill-ġurnalisti Robert Abela qal li ġie propost isem ieħor għal din il-kariga.

Dan l-isem ġie preżentat waqt laqgħa li l-Prim Ministru kellu flimkien mal-Ministru Jonathan Attard u Shadow Minister Joe Giglio – fejn jidher li d-dikussjonijiet kienu pożittivi.

Bħalissa Mark Chetcuti għadu jservi fl-irwol ta’ Prim Imħallef minkejja li hu issa laħaq l-età tal-irtitrar.

Il-PN ilu sa mill-bidu ta’ dan il-proċess li preżenta ismijiet ta’ persuni validi. U Alex Borg baqa’ jappella biex issir diskussjoni matura fuq din il-ħatra.

Lura fil-5 ta’ Frar fuq talba tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono kienet sejħet kemm lill-Prim Ministru kif ukoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex dawn ikomplu bid-diskjussjonijiet.

Din is-saga sħiħa żviluppat wara li l-Prim Ministru baqa’ stinat bl-isem li ried hu għal Prim Imħallef minflok daħal f’diskussjonijiet serji mal-Oppożizzjoni. Dan meta kien jaf li għal din il-ħatra jeħtieġ konsensus Parlamentari.