Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Minister David Agius u l-President Tim Sport PN Andre Muscat spjega li wara li ttradixxa lid-dilettanti tal-motorsport, issa l-Gvern qed jgħaddi biż-żmien ukoll lid-dilettanti tal-isport tal-polo. U dan qed jgħiduh huma stess.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir is-sitwazzjoni li żviluppat fil-qasam tal-isport tal-polo f’Malta, fejn il-Malta Polo Club kien kostrett jiftaħ protest ġudizzjarju quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili minħabba nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati fi ħdan il-Kumpless Sportiv tal-Marsa fejn waqgħu lura x-xogħlijiet li ġew imwiegħda u li suppost tlestew f’Ottubru tas-sena li għaddiet.
Tant li l-klabb saħanistra wissa li kellu jieħu din l-azzjoni legali minħabba li l-futur ta’ dan l-isport jinsab mhedded.
Il-Malta Polo Club qed jgħid li ma kinux rispettati l-iskadenzi miftiehma la fil-każ tar-resurfacing tal-Korsa tal-Marsa u lanqas fil-każ tat-tlestija tal-pitch tal-polo fejn ix-xogħol waqa’ lura u ftit li xejn sar progress fl-aħħar ġimgħat. Il-klabb qed jitlob garanziji dwar standards internazzjonali, l-infrastruttura essenzjali meħtieġa, u data meta se tiġi mgħoddija lilu l-Club House, fost oħrajn.
Bi storja ta’ aktar minn 150 sena, dan il-klabb, li hu fost l-eqdem fid-dinja – kien twaqqaf fl-1868 – ħaqqu kull appoġġ.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-awtoritajiet, lill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima u fuq kollox lill-awtorità tal-gvern li tirregolarizza dan l-isport f’Malta, EquestriMalta, biex mill-kliem jgħaddu għall-fatti, jintervjenu u jieħdu l-passi meħtieġa ħalli jkunu ssavalgwardjati d-drittijiet ta’ kull min jipprattika dan l-isport f’pajjiżna, filwaqt li fil-futur isir minn kollox biex ikunu antiċipati dawn id-diffikultajiet u sfidi.
L-istqarrija u l-protest ġudizzjarju tal-Malta Polo Club jikkonfermaw li l-proġett tal-kumpless tal-Korsa tal-Marsa żgur li ma jistax jitqies bħala lest jew ta’ livell internazzjonali. Għal darba oħra, wara dak li qed jiġri fil-Motorsport, il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela qed ikompli ma jżommx kelmtu mal-isportivi.
L-isportivi jixirqilhom ħafna aħjar.
//= $special ?>

