Lokali

Il-poplu s’issa ħallas ‘il fuq minn miljun u nofs ewro f’kumpensi dwar Każini okkupati mill-Labour

“Il-poplu Malti u Għawdxi s’issa ħallas ‘il fuq minn miljun u ewro nofs f’kumpensi relatati mal-każini li tul is-snin ġew okkupati mil-Labour”.

Saħaq dan is-Segretarju Generali tal-PN Charles Bonello waqt il-programm NETLIVE b’reazzjoni għall-aħħar deċiżjoni tal-Qorti Ċivili; liema deċiżjoni kkonfermat ksur tad-drittijiet tal-proprjetarji tal-Każin Laburista tal-Belt Valletta fi Triq ir-Reppublika.

Fil-fatt, wara 70 sena b’kirja miżera, il-Qorti kkonfermat kumpens ta’ ‘il fuq minn €250,000 lill-propjetarji ta’ din il-binja – anke minħabba li l-Labour sas-sena li oħra stess, kien għadu qed iħallas €600 f’kirja fis-sena – meta l-valur ta’ propjetà bħal dik, fit-triq prinċipali tal-Belt, jlaħħaq l-€44,000.

Waqt NETLIVE is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista spjega l-abbuż ta’ poter min naħa tal-Labour – filwaqt li anke semma’ l-fatt li l-istess Partit Laburista qed jonqos milli imqar jiskuża ruħu mal-poplu tallli qed joħroġ dawn l-eluf kbar ta’ ewro mit-taxxi tiegħu.

Charles Bonello kompla jispjega li minħabba l-istorja ta’ illegalitajiet fil-Labour, sa minn żmien ilu, qed iħallas il-pajjiż – kumpensi mistħoqqa lil propjetarji varji li sfaw vittmi tal-abbuż minn naħa tal-Partit Laburista.

Dawn il-kumpensi issa laħħqu mal-miljun ewro u nofs fit-total tagħhom – Dan anke wara numru ta’ kawżi li stabbilixew ksur tad-drittijiet fundamentali, kaġun ta’ storja ta’ anarkija fil-Labour tul is-snin.

Każijiet fost l-oħrajn relatati ma’ każini Laburisti f’Santa Venera, Birżebbuġa, Tal-Pieta, Ħal Lija, ż-Żurrieq, Ħal Qormi u anke Raħal Ġdid.