Jesmond Cassar ta’ 51 sena, ma nstabx ħati mill-Maġistrat Nadine Sant Lia li f’żewġ okkażjonijiet separati ta n-nar lil vetturi pparkjati f’Ħal Qormi u f’Ħaż-Żebbuġ fl-2020. Cassar kien qed jiġi mixli li fil-5 ta’ Settembru 2020, bejn it-2:30am u t-3:30am, fi Triq il-Kbira, Ħal Qormi, ta n-nar lill-vettura Mazda, liema vettura ma kinitx fiha persuni u ma kinitx ipparkjata b’mod li seta’ jikkawża periklu immedjat għal bini jew għal terzi persuni.
Huwa kien qed jiġi mixli wkoll b’diversi akkużi oħra – fosthom li sar reċidiv. Il-Qorti fis-sentenza tagħha lliberat lil Cassar mill-akkużi kollha miġjubin kontrih. Huwa kien qed jiġi akkużat ukoll li fl-1 ta’ Novembru 2020, bejn l-1:00am u t-3:00am, fi Triq it-Troll, Ħaż-Żebbuġ, ta n-nar lil vann Dodge 50 Series. F’dan il-każ ukoll ma kien hemm ħadd ġewwa l-vettura fil-ħin tal-inċident. Barra minn hekk, Cassar kien qed jiġi mixli li kkawża ħsara volontarja li taqbeż il-€250 iżda ma teċċedix l-€2,500 fuq iż-żewġ vetturi.
Ix-xhieda fil-Qorti wriet kif iż-żewġ sidien tal-vetturi ġew infurmati mill-pulizija li l-karozzi tagħhom kienu qed jaqbdu fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Wieħed mill-vittmi tal-ħruq qal li l-pulizija wrewh filmat minn kamera tas-sigurtà li fih deher raġel b’xugaman blu fuq rasu jitfa’ likwidu mal-art u jagħti n-nar lill-vettura tiegħu qabel jaħrab jiġri.
Min-naħa tiegħu, il-vittma l-ieħor xehed li kien xtara l-vann ftit xhur qabel u kien ipparkjat barra minħabba li ma kienx jidħol fil-garaxx, u li kien ġie infurmat bit-telefon li l-vann kien qabad. L-Ispettur Mario Xiberras spjega kif mill-analiżi tal-filmati tas-CCTV deher persuna titfa’ likwidu u tagħti n-nar lill-vetturi.
Huwa qal li wara investigazzjonijiet ulterjuri, il-pulizija rċeviet rapport minn Mater Dei li Cassar kien daħal l-isptar bi ġrieħi, u minn hemmhekk l-investigazzjonijiet wasslu biex jinħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu. Cassar ġie arrestat fit-23 ta’ Novembru 2020 u waqt l-interrogazzjoni għażel li jeżerċita d-dritt tas-silenzju u ċaħad kull involviment.
Rapporti SOCO (Lara Grazia) u esperti forensiċi (Dr. Daniel Vella, Keith Cutajar, Jonathan Mizzi) wrew li n-nirien ġew qabbda b’mod doluż. Filmati CCTV u stills ma kinux biżżejjed biex jidentifikaw b’mod ċar lill-imputat Jesmond Cassar fid-dawl ta’ kundizzjonijiet ta’ dawl mhux ideali u karatteristiċi ġeneriċi tal-persuna.
L-atti juru li ċertu Joseph Portelli ammetta li kien inkariga lil Jean Claude Galea sabiex iwettaq il-ħruq fuq il-Mazda. Galea kien ċaħad l-involviment tiegħu. Fil-każ ta’ Ħaż-Żebbuġ, il-pulizija rriżultat li ċertu Borg kien inkarigat mill-ħruq u għalhekk ir-reati marbuta direttament lill-imputat Cassar.
Il-provi tekniċi u x-xhieda jikkumplikaw il-każ tal-ħruq tal- vetturi
Mill-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Jesmond Cassar b’rabta ma’ żewġ każijiet separati ta’ ħruq diversi uffiċjali tal-pulizija xehdu dwar l-ewwel interventi tagħhom fuq il-postijiet tal-inċidenti u dwar l-investigazzjonijiet li segwew.
PS Kevin Schembri spjega kif fil-21 ta’ Settembru 2020 kienet daħlet telefonata mill-Isptar Mater Dei dwar persuna feruta li nstabet viċin il-Marsa Park and Ride. Il-pulizija marru fuq il-post iżda ma sabu l-ebda traċċi. Sussegwentement marru l-isptar biex ikellmu lill-persuna feruta, li kienet l-imputat, iżda dan ma riedx jikkopera.
L-Ispettur Roderick Agius ikkonferma li minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 ma setax ikollu kuntatt dirett mal-imputat, iżda osservah minn wara perspex waqt li kien qed jingħata kura. Skont it-tabiba Dr. Nicole Bonello, Cassar kien sofra ġrieħi gravi iżda ma kienx fil-periklu tal-mewt. Minkejja dan, baqa’ jirrifjuta li jagħti informazzjoni dwar kif weġġa’ jew min allegatament aggredieh.
Il-Qorti semgħet ukoll lill-esperti maħtura fl-inkjesti maġisterjali mmexxija mill-Maġistrati Charmaine Galea u Ian Farrugia. L-espert forensiku Dr. Daniel Vella kkonkluda fiż-żewġ każijiet li n-nirien kienu tqabbdu b’mod intenzjonali u doluż. Fil-każ tat-trakk Dodge 50 fi Ħaż-Żebbuġ instabu traċċi ta’ diesel fuq il-post, filwaqt li ma setax jiġi eskluż l-użu ta’ petrol. Huwa eskluda li n-nar seta’ kien aċċidentali.
Il-perit tekniku Dr. Mario Buttigieg stabbilixxa li l-valur tat-trakk Dodge qabel ma nħaraq ma kienx jaqbeż is-€700, filwaqt li ġew dokumentati ritratti u kampjuni forensiċi minn uffiċjali tal-Scene of Crime. Eżamijiet għall-impronti diġitali rriżultaw negattivi, filwaqt li analiżi tad-DNA, skont Dr. Marisa Cassar, ma tatx biżżejjed informazzjoni statistika biex tikkonferma li l-imputat kien kontributur għall-profil ġenetiku li nstab.
Mill-filmati tas-CCTV analizzati mill-espert Keith Cutajar irriżulta li fil-ħinijiet bikrin tal-1 ta’ Novembru 2020 dehret persuna tiċċaqlaq fl-inħawi tat-trakk maħruq f’Ħaż-Żebbuġ, filwaqt li fil-każ tal-Mazda 121 fi Ħal Qormi, filmati oħra wrew raġel liebes hoodie jitfa’ likwidu fuq il-vettura u jqabbadha qabel jaħrab jiġri.
Ix-xhieda Joseph Portelli qal li kien ħallas lil Jean Claude Galea €1,000 biex “jieħu ħsieb” il-ħruq tal-vettura ta’ George Azzopardi, wara tilwima finanzjarja ma’ Michelle Vella. Huwa sostna li ma kienx jaf lill-imputat u qatt ma kien tkellem miegħu. Min-naħa tiegħu, Jean Claude Galea ċaħad li qatt qabbad lil Cassar biex jaħraq xi vettura.
Is-Surġent Jeffrey Gerada, qal waqt il-kumpilazzjono li huwa kien stazzjonat is-CID, u kien assista lill-Ispettur Mario Xiberras fir-rigward ta’ żewġt arsons fuq vetturi. L-ewwel vettura maħruqa kienet Mazda li kienet rapportata fil-5 ta’ Settembru 2020. Il-vettura kienet ipparkjata fi Triq il-Kbira, Ħal Qormi. Qal illi kien ra filmati minn CCTVs minn fejn irriżulta illi persuna b’hoodie izappap deher jitfa’ likwidu mal-art fejn l-imsemmija vettura u din ħadet in-nar.
L-investigazzjonijiet bdew minn hemm u fit-18 tax-xahar kien ġie arrestat Joseph Portelli. Portelli kien imressaq il-Qorti f’każ investigat mill-Ispettur Mario Xiberras. Portelli ammetta l-involviment tiegħu li qal li ried jagħmel vendikazzjoni lil ċertu Michelle Vella u l-partner tagħha George Azzopardi.
Mill-investigazzjonijiet irriżulta illi Portelli kien qabbad lil ċertu Jean Claude Galea sabiex isib lil xi ħadd biex jaħraq din il-vettura. Galea kien arrestat fit-18 ta’ Novembru 2020 u kien tressaq il-Qorti mill-Ispettur Mario Xiberras. Ix-xhud spjega illi kienu tkomplew l-investigazzjonijiet fejn irriżulta illi l-imputat Jesmond Cassar kien il-persuna li ħaraq il-vettura.
Huwa qal li l-imputat intagħraf ukoll mill-filmat fejn jidher li kellu mixja partikolari u li kien liebes karkur iswed f’saqajh. Spjega illi l-involviment tiegħu kien ukoll f’investigazzjoni oħra ta’ arson ta’ vettura Dodge irrapportata fl-1 ta’ Diċembru 2020. Kien arrestat Carmelo Borg li ġie investigat mill-Ispettur Mario Xiberras u tressaq il-Qorti.
Mill-investigazzjonijiet li saru fuq Borg irriżulta li dan kien qed jagħmel użu minn vettura Levin u f’filmat partikolari Borg deher flimkien ma’ persuna oħra li kien intagħraf bħala l-imputat. Qal illi l-pulizija ipprovat issib lil Cassar iżda ma instabx imbagħad fit-12 ta’ Novembru 2020 l-imputat kien instab miexi fi Triq it-Tiġrija, Marsa.
L-imputat kien innotat li kien liebes karkur iswed simili bħal dak illi kien jidher fil-filmati. Spjega illi sussegwentement kien inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tal-imputat fejn kien ġie arrestat u mittieħed id-Depot fejn kien ġie interrogat mill-Ispettur Xiberras u mill-Ispettur Scicluna.
Il-Qorti semgħet ukoll xhieda dwar iċ-ċirkostanzi personali tal-imputat waqt li kien jinsab il-ħabs. Impjegati u terapisti rrappurtaw li Cassar wera konsistenza fit-terapija, attenda għas-sezzjonijiet regolarment u ta kampjuni tal-urine li riżultaw negattivi wara test inizjali pożittiv. Skont Caritas, huwa wera motivazzjoni biex jibda programm residenzjali kontra l-abbuż tad-droga.
Iż-żewġ inkjesti maġisterjali kkonkludew li n-nirien kienu intenzjonati, iżda l-proċess quddiem il-Qorti qed jeżamina jekk il-provi miġjuba humiex biżżejjed biex jorbtu direttament lill-imputat mal-eżekuzzjoni tal-ħruq taż-żewġ vetturi, li fil-fatt ma kienux.
Prinċipju Bażiku
Il-Qorti qalet li l-oneru tal-prova hu fuq il-Prosekuzzjoni (“onus probandi incumbit qui observit”). Il-provi għandhom jikkonvinċu lil-livell “mingħajr dubju raġonevoli” biex jiġu kkonkluduti ħtija. Fid-dawl tal-filmati CCTV, depożizzjonijiet u nuqqas ta’ prova diretta li tgħaqqad lill-imputat Jesmond Cassar mal-ħruq tal-vetturi, l-Qorti ma sabitx lill-imputat ħati u illiberatu mill-kull akkuża.
Il-Maġistrat Sant Lia qalet li l-filmati ma joffrux ċertezza suffiċjenti biex jiġu attribwiti l-azzjonijiet lil-livell kriminali lill-imputat. Nuqqas ta’ identifikazzjoni diretta u rabta konklużiva mal-każijiet jikkonferma li ma hemmx katina probatorja soda. Għall-akkużat deher l-Avukat David Bonello filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras u Jeffrey Scicluna.
//= $special ?>

