Knisja Lokali

Is-Santa Sede tissoprimi l-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina

Id-Dikasteru tas-Santa Sede għall-Istituti tal-Ħajja Konsagrata u s-Soċjetajiet tal-Ħajja Appostolika informa lill-Arċidjoċesi ta’ Malta li ssopprima lill-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina u ħatar lil Dom Jeremias Schröder, OSB, l-Abbati Primat tal-Ordni ta’ San Benedittu, biex jieħu f’idejh il-kontroll tal-affarijiet amministrattivi kollha marbuta mal-proprjetà.
Id-deċiżjoni tas-Santa Sede ttieħdet wara li sar magħruf li l-unika persuna li kienet tokkupa l-monasteru, soru Benedittina, kienet iffirmat b’mod unilaterali u bla awtorizzazzjoni, żewġ kuntratti ta’ kiri ta’ 50 sena fuq il-propjetà lil individwi privati – kull wieħed għal ħlas ta’ inqas minn €2,000 fix-xahar.
L-Arċisqof Charles Scicluna għamel diversi tentattivi biex isolvi s-sitwazzjoni, iżda dawn ġew miċħuda mis-soru, u b’hekk l-Arċidjoċesi, bħala amministratur awtorizzat, ma kellhiex għażla ħlief li tinforma lis-Santa Sede – li issa intervjeniet biex tissalvagwardja l-istatus u l-integrità tal-monasteru.
Id-Dikasteru fl-ittra tiegħu qal: “Ma fadal l-ebda soluzzjoni ħlief li jiġi sopress l-imsemmi monasteru. Dan id-Dikasteru diġà talab (lis-soru) biex tieħu l-passi meħtieġa għal dan il-għan, sabiex ir-rekwiżiti tal-każ jitlestew sal-aħħar tas-sena 2026.”
Is-Santa Sede ddeċidiet ukoll li s-soru tiġi trasferita f’monasteru Benedittin ieħor.
L-amministrazzjoni tal-entitajiet ekkleżjastiċi, li tiġbor fiha erba’ monasteri fosthom dak ta’ San Pietru, kienet ġiet ċentralizzata fis-snin 80 b’digrieti maħruġa mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Ġużeppi Mercieca. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-propjetà ġiet amministrata mill-Kurja tal-Arċisqof, li kienet tipprovdi sussidju ta’ €4,000 fix-xahargħall-ispejjeż rikorrenti, minbarra li tkopri l-pagi u spejjeż oħra straordinarji.

Għaldaqstant, kull min kien jokkupa l-post kien obbligat jitlob awtorizzazzjoni mill-amministratur qabel ma jassenja xi parti mill-monasteru jew proprjetà marbuta miegħu. Is-soru mhux biss naqset milli twettaq dan l-obbligu, iżda żammet lura wkoll informazzjoni dwar il-kuntratti li kienet iffirmat.
Fl-ittra tiegħu lill-Arċidjoċesi, id-Dikasteru stqarr dan li ġej: “Dwar il-kiri tal-proprjetajiet li jappartjenu lill-Monasteru tal-Imdina, il-kuntratti rispettivi huma invalidi, mhux minħabba t-telf tal-awtonomija tal-imsemmi monasteru, iżda minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar awtorizzazzjonijiet kanoniċi. Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni tal-Ordinarju lokali hija nieqsa, kif ukoll il-liċenzja tas-Santa Sede meħtieġa bis-saħħa tal-Istatut tas-6 ta’ Lulju 1988 dwar il-Provinċja Ekkleżjastika ta’ Malta.”
Il-kwistjonijiet amministrattivi kollha li jikkonċernaw il-monasteru issa għaddew mill-Arċidjoċesi għal Dom Jeremias Schröder, OSB, Abbati Primat tal-Ordni ta’ San Benedittu, li se jissorvelja l-propjetà u l-amministrazzjoni tagħha.