Internazzjonali

Iżjed movimenti ta’ ajruplani u bastimenti militari Amerikani fil-Lvant Nofsani u fil-Mediterran

Filgħodu l-20 ta’ Frar sitt ajruplani tal-forzi armati Amerikana għaddew madwar il-Lvant Nofsani. Żewġ ġets Amerikani oħra ntlemmħu għaddejin minn fuq il-baħar Mediterran fid-direzzjoni tal-Lvant.

Intant, l-akbar bastiment tal-gwerra fid-dinja – il-USS Gerald R. Ford bħalissa għaddej mill-Baħar Mediterran. Dalgħodu l-bastiment intlemaħ għaddej flimkien ma’ bastimenti Amerikani oħrajn mill-Istrett ta’ Ġibiltà bejn Spanja u l-Marokk fid-direzzjoni tal-Lvant.

Dan l-armament Amerikan jiġi wara li l-President Amerikan Trump stqarr li “fl-għaxart ijiem li ġejjin” d-dinja se tara jekk hux se jkun hemm qbil bejn l-Istati Uniti u l-Iran jew jekk hux se jkun hemm attakk militari mill-Istati Uniti.

Iktar kmieni dan ix-xhar iż-żewġ pajjiżi organizzaw żewġ rawnds ta’ taħdidiet bejn uffiċjali għoljin miż-żewġ pajjiżi, iżda l-ebda qbil ma ntlaħaq dwar il-programm nukleari tal-Iran.

Tlett ijiem qabel l-ewwel rawnd ta’ diskussjonijiet fil-bidu ta’ Frar, il-forzi Amerikani waqqgħu drone Iranjan minħabba li avviċina bastiment Amerikan, u l-Iran irrispondiet billi tibgħat żewġ bastimenti biex javviċinaw bastiment Amerikan ieħor u biex jheddu li jitilgħu abbord u li jaħtfuħ.