Tmiem din il-ġimgħa se jkun wieħed ferm impenjattiv għall-Partit Nazzjonalista hekk kif se tkun qed tittella’ l-Konvenzjoni Nazzjonali bit-tema ‘Malta ‘l Quddiem’ fil-lukanda Excelsior fil-Furjana.

Matul il-jum tas-Sibt se jsiru diversi workshops fejn ħamsa minnhom se jkunu organizzati Malta u s-sitt wieħed se jkun organizzat f’Għawdex – dan bil-għan li l-Partit Nazzjonalista jisma’ x’għandu jgħid il-poplu Malti u Għawdxi.
It-temi li se jiġu diskussi fil-workshops huma:
- Malta kif nafuha – Malta li tgħix sew fiha
- Ġid li tassew jilħaq lil kulħadd
- Komunitajiet b’saħħithom
- Gvern li jieħu ħsiebek
- Malta lesta għal għada, u
- Għawdex fil-qalba tal-viżjoni nazzjonali
Qabel dawn is-sessjonijiet importanti, dawk preżenti se jkunu indirizzati mill-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Mark Anthony Sammut u miċ-Chair ta’ din il-Konvenzjoni, George Vital Zammit.
Dan il-programm tas-sibt jiftaħ fid-9am, u dawk preżenti se jiġu indirizzati wkoll mill-Kap tal-PN Alex Borg.
Matul il-jum tal-Ġimgħa Net News żar l-aħħar preparamenti għal din il-Konvenzjoni Nazzjonali; bis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello jħabbar l-ismijiet ta’ dawk li se jkunu l-mistiedna barranin li se jwasslu d-diskorsi tagħhom waqt il-Konvenzjoni Nazzjonali.



Apparti minn hekk, Charles Bonello semma’ li l-Konvenzjoni Nazzjonali hija miftuħa għal kulħadd. U l-Partit Nazzjonalista se jkompli jfassal proposti fl-interess tal-poplu kollu.
Intant, peress li nhar il-Ħadd se tkun qed issir ukoll il-Maratona ta’ Malta, Charles Bonello ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jaħseb kmieni għas-sessjoni tal-għeluq.




