Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali, ippreseduta mill-Imħallef Henri Mizzi, sabet li kien hemm ksur tad-dritt fundamentali ta’ Emanuel Magri għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli, kif garantit mill-Kostituzzjoni u mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, wara li l-proċeduri kriminali kontrih damu kważi 20 sena biex jiġu konklużi.
Il-Qorti ordnat li jiġu likwidati d-danni non-pekunjarji fl-ammont ta’ €18,500 u ddikjarat lill-Avukat tal-Istat responsabbli għall-ħlas ta’ dan l-ammont u tikkundannah iħallas lil Magri s-somma msemmija. Fil-kawża kostituzzjonali mressqa fl-2023 kontra l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat, Magri sostna li kien ġarrab leżjoni serja tad-drittijiet tiegħu meta l-proċess kriminali li beda fl-2003 ntemm biss fl-2023 bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell Kriminali.
Huwa kien ġie kkundannat għal erba’ snin u sitt xhur ħabs effettiv wara li fl-ewwel istanza kien ingħata sentenza ta’ seba’ snin priġunerija fuq akkużi relatati ma’ assoċjazzjoni u traffikar ta’ droga eroina, filwaqt li kien ġie lliberat minn akkuża separata ta’ attentat ta’ korruzzjoni.
Il-Qorti Kostituzzjonali analizzat fid-dettall l-andament tal-proċeduri, li kienu jinkludu kumpilazzjoni twila, diversi noti ta’ rinviju mill-Avukat Ġenerali, estensjonijiet ripetuti taż-żmien għall-preżentata tal-att ta’ akkuża u bidliet fil-forum fejn kellha tinstema’ l-kawża. Ġie nnutat ukoll li l-kawża għaddiet minn quddiem il-Qorti Kriminali u mbagħad reġgħet intbagħtet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati wara deċiżjoni li kienet aktar favorevoli għall-akkużat.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti eżaminat il-fatturi stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fosthom il-kumplessità tal-każ, l-aġir tal-partijiet u dak tal-awtoritajiet. Ġie rikonoxxut li kien hemm każijiet fejn ir-rikorrent jew id-difiża tiegħu kkontribwew għal xi differimenti, inkluż nuqqas ta’ dehra għal seduti u talbiet għal posponimenti.
Madankollu, il-Qorti sabet ukoll li kien hemm numru sinifikanti ta’ differimenti attribwibbli għall-Prosekuzzjoni, għal nuqqas ta’ notifika ta’ xhieda, riferti neqsin jew indisponibbiltà tal-uffiċjali involuti, kif ukoll perjodi ta’ inattività u stagnazzjoni amministrattiva.
Il-Qorti osservat li minkejja li l-akkużat ma jistax jiġi penalizzat talli jagħmel użu mir-rimedji legali disponibbli, l-awtoritajiet għandhom obbligu pożittiv li jassiguraw li l-proċeduri jimxu b’diliġenza raġonevoli. F’dan il-każ, it-tul eċċessiv tal-proċess, li estenda fuq kważi żewġ deċennji, ma setax jiġi ġġustifikat kompletament la bil-kumplessità tal-provi u lanqas bl-aġir tal-imputat.
Il-Prim’Awla għalhekk waslet għall-konklużjoni li kien hemm ksur tad-dritt għal smigħ fi żmien raġonevoli. Fir-rigward tar-rimedju mitlub, jiġifieri t-tnaqqis jew it-tħassir tal-piena karċerarja, il-Qorti analizzat ukoll il-pożizzjoni tal-intimati li sostnew li kwalunkwe rimedju kellu jkun ta’ natura pekunjarja u mhux jaffettwa s-sentenza kriminali imposta mill-qrati kompetenti.
Filwaqt li ddikjarat lill-Avukat tal-Istat responsabbli għall-ħlas ta’ dan l-ammont u tikkundannah iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ €18,500 bħala danni non-pekunjarji, dawn għandhom jitħallsu bl-imgħax legali mid-data tas-sentenza. L-ispejjeż tal-kawża wkoll iridu jitħallsu mill-Avukat tal-Istat.
//= $special ?>

