Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake, lliberat lil Shaunvic Felice ta’ 36 sena minn Ħal Qormi mill-akkużi kollha marbuta ma’ allegata serqa armata li kienet seħħet fl-istabbiliment CFC fil-kumpless tal-Pavi f’Ħal Qormi, l-Ħadd, 8 ta’ Jannar tal-2023.
Felice kien akkużat li għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu daħal fil-ħanut b’sikkina, hedded lill-impjegat Mohammed Mujiburraheman Bhayla u seraq flus kontanti mill-cash register. Huwa kien akkużat ukoll li żamm lill-impjegat kontra r-rieda tiegħu, li ġarr arma mingħajr liċenzja, li kiser ordni ta’ probation u ordni ta’ trattament imposti fl-2022, kif ukoll li rrenda ruħu reċediv.
Mill-provi rriżulta li l-aggressur kien mgħammad u liebes hoodie bajda, u għalhekk ma setax jiġi identifikat direttament mill-vittma. Il-prosekuzzjoni bbażat il-każ tagħha fuq filmati ta’ CCTV li allegatament wrew lill-imputat ħiereġ mir-residenza tiegħu qabel is-serqa u jidħol lura ftit wara, liebes ħwejjeġ simili għal dawk tal-aggressur.
Madankollu, il-Qorti nnutat diversi inkonsistenzi fil-filmati u fir-rapporti tal-esperti. Fosthom, differenzi fl-ilbies, inkluż fil-papoċċi u fil-hoodie li dehru fil-filmati, kif ukoll lakuna ta’ kważi siegħa bejn il-ħin meta deher persuna ħierġa mill-blokka tal-appartamenti u l-ħin tas-serqa.
Il-Qorti osservat li ma kien hemm l-ebda prova diretta li torbot lill-imputat mal-post tar-reat, u li l-provi ċirkostanzjali ma kinux ċari u univoċi biżżejjed biex iwasslu għal konklużjoni waħda ta’ ħtija lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
Il-Qorti enfasizzat li d-dritt tas-silenzju tal-imputat ma jistax jintuża kontrih, u li l-oneru tal-prova jibqa’ dejjem fuq il-prosekuzzjoni. Peress li dan il-livell ta’ prova ma ntlaħaqx, il-Qorti sabet lil Felice mhux ħati tal-akkużi kollha u lliberatu minnhom.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ordnat ukoll li l-Avukat Ġenerali tingħata aċċess għal kopja skenjata tal-atti u tas-sentenza fi żmien sitt ijiem tax-xogħol, skont il-liġi. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Rodrick Agius.
//= $special ?>

