Lokali Qorti

Miċħud il-pleġġ għal Tammy Caruana f’każ ta’ allegat Frodi ta’ miljun ewro

Il-Maġistrat Lara Lanfranco ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Tammy Caruana, ta’ 25 sena minn San Pawl il-Baħar, li qed tiċħad akkużi li allegatament iffrodat madwar 200 persuna billi għamlitha ta’ rappreżentanta ta’ bank lokali. L-ammont allegatament involut sa issa jlaħħaq il-miljun ewro.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest, li tressqet fit-12 ta’ Frar, sabet oġġezzjoni mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat qieset li għad fadal diversi xhieda ta’ allegati vittmi li jridu jinstemgħu u li l-proċeduri jinsabu fi stadju bikri.

Hija rreferiet ukoll għax-xhieda tal-Ispettur Claire Vella Borg, li spjegat iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputata. Fid-dawl tan-natura serja tal-akkużi u l-istadju tal-każ, il-Qorti ddeċidiet li ma tilqax it-talba tad-difiża.

Skont ix-xhieda, lejn l-aħħar ta’ Settembru 2024 il-pulizija bdiet tirċievi diversi rapporti mingħand klijenti tal-Bank of Valletta. Ir-rapporti kienu jindikaw li mara kienet iċċempel minn numru li jidher bħala tal-bank, titkellem bil-Malti u tgħid li kienet qed iċċempel mid-dipartiment tal-customer care.

Intqal ukoll li lejn l-aħħar ta’ Awwissu waslet email anonima b’dettalji dwar min kien wara l-allegat frodi, inkluż kunjom, età, informazzjoni dwar il-proċess u l-apparat elettroniku użat, kif ukoll dettalji dwar flus f’crypto.

L-investigazzjonijiet wasslu biex il-pulizija saret taf li l-imputata kienet għal xi żmien impjegata ma’ eCabs u ma’ Centrecom, fatt li skont il-prosekuzzjoni jindika li kellha l-ħiliet biex tiggwida lin-nies permezz ta’ telefonati. L-investigazzjoni kompliet b’monitoraġġ tal-attività tagħha fuq il-midja soċjali. Intqal li kienet bla impjieg u ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ dħul minn sorsi legali jew familjari.

Minkejja dan, il-pulizija nnutat stil ta’ ħajja lussuża li allegatament kienet qed tgħix, inkluż kiri ta’ żewġ karozzi BMW, xiri frekwenti ta’ ħwejjeġ tad-ditta, ordnijiet ta’ ikel kuljum, kirja ta’ appartament f’Tas-Sliema u trattamenti kosmetiċi regolari. F’xi każijiet, kienet tippubblika ritratti ta’ ammonti kbar ta’ flus kontanti.

Il-pulizija talbet ukoll informazzjoni mingħand il-bank virtwali Revolut. Skont l-investigazzjonijiet, l-imputata ma kellhiex kontijiet f’banek lokali, iżda kienet tagħmel depożiti kbar permezz ta’ flus virtwali li mbagħad tikkonvertihom fi flus kontanti permezz ta’ Revolut. Informazzjoni preliminari tindika li l-flus ma kinux ġejjin minn persuni Maltin.

Matul tfittxija fir-residenza tagħha nstabet kaxxa bl-isem tagħha li kien fiha €5,000 u envelope b’€3,000 moħbi f’sufan. F’tfittxija oħra fil-Qrendi nstabu kompjuter Mac, żewġ iPhones u diversi apparat elettroniku ieħor fil-kamra tagħha. Analiżi mit-Taqsima tal-Cyber Crime kkonfermat li l-apparat kien tagħha.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Claire Vella Borg flimkien mal-Avukati Marica Ciantar u Mauro Abela f’isem l-Avukat Ġenerali. F’isem Bank of Valletta plc deher il-Professur Stefano Filetti, filwaqt li għall-imputata dehru l-Avukati Roberto Spiteri u Franco Galea.