Il-Qorti ċaħdet it-talba kostituzzjonali mressqa mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li sostna li nkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu meta ismu ddaħħal fl-inkjesta maġisterjali dwar il-ftehim kontroversjali tal-isptarijiet.
Muscat fetaħ il-kawża wara li ismu beda jissemma waqt inkjesta dwar il-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet tal-Istat, ftehim li oriġinarjament ingħata lil Vitals Global Healthcare u li aktar tard għadda għand Steward Health Care. L-inkjesta kienet iffukata fuq il-konċessjoni tal-Isptar Karin Grech, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Sussegwentement, Muscat ġie mixli b’akkużi serji fosthom tixħim, kummerċ fl-influwenza, ħasil ta’ flus u involviment f’assoċjazzjoni kriminali marbuta ma’ dan il-ftehim. Huwa dejjem ċaħad l-akkużi kontrih.
L-inkjesta kienet immexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella u bdiet wara lment kriminali mressaq fl-2019 mill-NGO Repubblika, li talbet lill-Qorti tinvestiga allegata attività kriminali marbuta mal-konċessjoni tal-isptarijiet. Dak iż-żmien, ir-rikors kien isemmi erba’ persuni, iżda mhux lil Muscat.
Fil-kawża tiegħu, Muscat sostna li meta ċittadini privati jitolbu inkjesta maġisterjali, għandhom jispeċifikaw b’mod ċar il-persuni li għandhom jiġu investigati. Huwa argumenta li l-fatt li ismu ddaħħal aktar tard fl-inkjesta kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq.
Ismu beda jissemma b’mod prominenti wara rapport ippubblikat minn Times of Malta fis-7 ta’ Novembru 2021, li żvela li kien irċieva għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’miżati ta’ konsulenza minn kumpanija Żvizzera marbuta mal-ftehim tal-isptarijiet. Skont ir-rapport, il-kumpanija kienet irċeviet miljuni ta’ ewro mingħand Steward wara li din ħadet f’idejha l-konċessjoni mingħand VGH.
Wara dan, Repubblika ressqet ilment kriminali formali lill-Kummissarju tal-Pulizija, li għadda l-materjal lill-istess maġistrat li kienet diġà qed tmexxi l-inkjesta dwar l-isptarijiet.
Muscat sostna li dan il-pass kiser id-drittijiet tiegħu peress li ma ngħatax l-opportunità li jinstema’ qabel ma l-ilment ġie inkorporat fl-inkjesta eżistenti. Huwa kkontesta wkoll il-legalità tad-deċiżjoni tal-maġistrat li tinkludi l-ilment mingħajr ma tinfurmah jew tagħtih ċans jirrispondi, kif ukoll ir-rifjut tagħha li tirrikuża ruħha mill-każ.
Filwaqt li kien diġà fetaħ proċeduri kostituzzjonali dwar l-istess materja, Muscat kien irtirahom qabel ma nieda dan il-każ ġdid. Il-Qorti, iżda, ma laqgħetx l-argumenti tiegħu u ddeċidiet li ma kienx hemm ksur tad-drittijiet fundamentali kif allegat, u għaldaqstant ċaħdet it-talba tiegħu. Joseph Muscat qal li se jkun qed jappella mis-sentenza.
F’kumment li għamel fuq FACEBOOK in-Nutar Robert Aquilina li huwa wieħed mill-fundaturi tal-Għaqda Repubblika qal; “Erġajna ngħatajna raġun u Joseph Muscat reġa’ ngħata tort mill-Qrati. Nafu li qegħdin fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. Ejjew flimkien inkomplu nagħmlu kull ma hemm bżonn biex inaddfu lil pajjiżna mill-qerq u l-abbuż.”
//= $special ?>

