Joe M. Zahra
F’intervista li ta lil Malta Independent u li dehret fi-9 ta’ Frar, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alexander Demarco tenna li Malta kellha tinvesti f’enerġija rinnovabbli jekk trid tgħaddi mingħajr is-sussidji tal-enerġija. Jiena ngħid li Malta għandha tinvesti ħafna iktar f’enerġija rinnovabbli jekk trid li tilħaq il-miri li l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tilħaq sal-2040. Iżjed investiment fil-panelli fotovoltajċi tal-aħħar ġenerazzjoni li b’inqas jipproduċu iktar.
Demarco tenna li bil-kobor ta’ art u t-tekonoloġija moderna, kien jemmen li ma kienx possibbli li Malta tipproduċi l-enerġija rinnovabbli kollha li teħtieġ. Għamel suġġeriment, li ili nagħmel fil-kitba tiegħi, li Malta setgħet taqbad ma’ pajjiżi Afrikani li joffru l-enerġija mix-xemx. Anke jekk din tiġi b’riskji ta’ sigurtà fl-enerġija minħabba l-instabbiltà politika f’dawn ir-reġjuni.
Jien ngħid li riskju għas-sigurtà għal pajjiż gżira bħal tagħna għandu dejjem għaliex ħafna mis-servizzi essenzjali bħal elettriku li jaslilna permezz ta’ interconnector u sistemi ta’ telekomunikazzjoni jaslu pajjiżna minn taħt il-baħar.
Barra minn hekk għandna l-impjanti tar-reverse osmosis li jibdlu l-ilma baħar f’ilma ħelu u f’xi tempesta jew xi ħruġ ta’ żejt minn xi tanker li jkun qed isalpa qrib pajjiżna jiġu effetwati. Għalhekk jeħtiġilna li nkunu armati kontra dawn l-eventwalitajiet. Ma ninsewx x’qed jiġri fl-ibħra tat-Tramuntana tal-Ewropa fejn sabutaġġi fis-servizzi taħt il-baħar qed isiru komuni! Fejn għalhekk kellha tikber id-difiża militari ta’ dawk l-ibħra.
Malta fil-qiegħ tal-klassifika
Minn stħarriġ li sar mill-eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, fl-2023 Malta għal darb’oħra kellha l-inqas sehem ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku tagħha fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Għall-Unjoni Ewropea l-2023 kienet sena rekord għall-enerġija rinnovabbli. Żieda ta’ 3.5 fil-mija. F’Malta ż-żieda kienet ta’ biss 0.6 fil-mija biex tul is-sena kollha leħqet 10.7 fil-mija.
Dak għal 2023. Skont ċifri pubblikati mill-eurostat fit-tielet kwart tas-sena l-oħra pajjiżna ġġenera biss 16.6 fil-mija tal-elettriku li għandna bżonn minn sorsi rinovabbli. Id-Danimarka ġġenerat 95.9 fil-mija, kważi l-ħtiġiet kollha tal-pajjiż. In-Norveġja, li mhix fl-Unjoni Ewropea u li għandha riżorsi kbar taż-żejt u gass, iġġenerat elettriku min riżorsi rinnovabbli iktar milli teħtieġ.
Wieħed ma jistax jifhem kif pajjiż bħal tagħna li għandu iktar minn 300 jum ta’ xemx fis-sena baqa’ daqshekk lura fil-produzzjoni tal-enerġija mix-xemx. Ma nistgħux nifhmu kif il-Gvern pereżempju jara li kull bejt ikollu fuqu il-panelli fotovoltaċji. U jekk hemm bżonn iħallas għalihom kollha l-Gvern!
Iktar ma ndumu f’qiegħ il-klassifika tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli iktar ser inħallsu miljuni f’‘carbon credits’. Inħallsu l-miljuni lil pajjiżi li mhux biss leħqu mal-miri tagħhom iżda qabżuhom.
L-ambjent ikompli jitniġġeż
Sadattant l-ambjent ikompli jitniġġeż. Jitniġġeż minn nofs miljun vettura li jeħlu fit-traffiku kuljum fejn waqt li jieqfu jkunu qed jitfgħu fl-arja gassijiet velenużi. Dan il-Gvern m’għandux ir-rieda li jsib soluzzjoni għall-problema tat-traffiku. Kif m’għandux rieda jsolvi l-problema tal-parkeġġ li hi serja daqs dik tat-traffiku. Li kieku kellu beda jagħmel xi ħaġa. Kieku beda l-proġett tal-metro. U kieku sal-lum għandna parti sew minnu lesta. Kieku għandu pjani biex ngħidu aħna x-charabancs ikollhom lanes apposta minn fejn jgħaddu, kieku t-trasport pubbliku li qed jiswa €70 miljun fis-sena f’sussidju u li qajla jintuża mill-Maltin, kieku parti mill-problema ġiet solvuta.
Lura għall-parkeġġ. Illum biex tipparkja ddum iktar milli biex tmur minn post għall-ieħor. Sadattant il-karrozza tkun qed taħdem u l-exhaust ikun ħiereġ u jnitten il-pubbliku.
Kellna ċans u tlifnieh! Kien hemm proġett fejn iktar minn 100 karrozza tal-linja kienu ser jinqalbu għall-elettriku b’fondi mill-Unjoni Ewropea u waqqfu. Kien hemm ukoll proġett biex tinbena l-infrastruttura tal-“charging points” minn fejn il-karrozzi li jaħdmu bl-elettriku jkunu jistgħu jiġu ċċarġjati. Anke dan spiċċa. Kif jista’ jkollok iktar karrozzi jaħdmu bl-elettriku jekk ma jkunx hawn “charging points” biżżejjed fejn ikunu jistgħu jiċċarġjaw il-batteriji! Sadattant aħna wieħed mill-ftit pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li m’aħniex nilħqu l-miri tagħna mal-Unjoni Ewropea li trid li sal-2050 l-Ewropa jkollha ekonomija netta tal-karbonju zero. Li trid li sal-2040 naqtgħu 90 fil-mija tal-emissjonijiet tal-gass serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
Biex nilħqu mal-miri rridu naħdmu. Mhux bil-kliem, bil-preżentazzjonijiet, bil-ħela tal-miljuni u mbagħad ma jsir xejn. Iżda billi nibdew għaliex kull ġurnata li nitilfu hi ta’ dannu ikbar għall-ambjent li fih ngħixu u dannu ikbar finanzjarju għal kull wieħed u waħda minnha.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 20 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

