Norma Camilleri
Meta nitkellmu dwar Malta ’l quddiem, irridu nistaqsu mistoqsija onesta: Il-politika qed taqdi lin-nies, jew in-nies qed iġorru l-piż tal-politika?
Wisq nies illum qed iħossuhom għajjenin, frustrati, u kultant minsijin. U f’Għawdex, dan jinħass b’mod iktar qawwi. Għax għalina, l-isfidi mhumiex biss fuq il-karta, huma parti mill-ħajja ta’ kuljum. Meta nitkellmu dwar Malta ’l quddiem, irridu nibdew billi nisimgħu. Nisimgħu lill-familji, lill-ħaddiema, imsieħba soċjali, anzjani, żgħażagħ u iva anki t-tfal.
Il-maltempata riċenti kienet esperjenza iebsa għal kulħadd. Fakkritna kemm aħna vulnerabbli bħala gżejjer, u kemm hu importanti li nkunu preparati, għalhekk grata għall-avviżi li saru biex evitajna inċidenti serji jew fatalitajiet. Ma nistgħux nibqgħu naħdmu bil-prinċipju ta’ “U iva, issa naraw x’jiġri”. In-nies jistħoqqilhom sigurtà, ippjanar u serjetà f’kull qasam.
Għawdex iħallas prezz ogħla
Għawdex spiss iħallas prezz ogħla: meta l-maltemp jaqta’ l-konnettività, meta s-servizzi jdumu, meta l-opportunitajiet jibqgħu ċentrati f’Malta. Seklu ilu, l-iżolament ta’ Għawdex forsi kien ġustifikat, imma f’dan is-seklu mhuwiex skuża, huwa inġustizzja li trid tiġi indirizzata minnufih mingħajr ebda dewmien.
It-triq ’il quddiem għal pajjiżna trid tkun waħda ta’ investiment b’sens. Mhux nefqa bla kontroll. Mhux proġetti li jidhru sbieħ imma ma jsolvu xejn. Kemm stajna ngħinu morda, persuni b’diżabbiltà, foqra, żgħażagħ, anzjani u nies batuti, bil-mijiet ta’ eluf li jinħlew f’direct orders mhux ġustifikati u konsulenzi li ma jrendux frott?
Il-baġit tal-pajjiż għandu jirrifletti l-bżonnijiet veri tan-nies: servizzi tas-saħħa li jiġu offruti f’ħinhom u f’waqthom li ħafna drabi dawn ifissru li tkun tista’ ssalva ħajja jew ittejjeb il-kwalità tal-ħajja; edukazzjoni li tagħti futur lil kulħadd; trasport effiċjenti; djar affordabbli; ikel affordabbli; ambjent naturali fejn nistgħu nirrilassaw u nirreġeneraw irwieħna; u infrastruttura li tiflaħ għall-isfidi taż-żieda fil-popolazzjoni. Dawn huma ftit eżempji biss ta’ kif in-nefqa tal-Gvern tista’ tkun aħjar.
Malta u Għawdex jistħoqqilhom viżjoni ħolistika li toħloq xogħol ta’ kwalità, li ż-żgħażagħ ikollhom opportunitajiet f’pajjiżna, li tirrispetta l-ambjent, u li żżomm l-identità u l-wirt kulturali tagħna.
Triq li tkun ukoll soċjali u umana
Imma t-triq ’il quddiem mhijiex biss ekonomika jew infrastrutturali. Hija qabel kollox, u fuq kollox, soċjali u umana. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn il-benesseri bħala prodott ta’ ekonomija tajba. Il-benesseri tagħna lkoll għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox għax jekk ma jkollokx popolazzjoni f’saħħitha, kemm fiżikament u kemm mentalment, inutli tippjana li ssaħħaħ l-ekonomija.
Bħala mara, naf kemm għad hawn nisa li jħossuhom mhux mismugħa, mhux protetti, mhux rappreżentati, jew limitati fl-opportunitajiet tagħhom. Jiena nemmen bis-sħiħ li meta n-nisa jkunu parti mid-deċiżjonijiet, meta jingħataw opportunitajiet veri, is-soċjetà kollha, kollha, tissaħħaħ. U din il-ħidma rridu nibdewha billi nrawmu lit-tfajliet tagħna li huma wkoll jistgħu jkunu mexxejja u parti mill-proċess ta’ deċizjonijiet.
Għawdex u Malta jistħoqqilhom vuċi soda, onesta u kuraġġuża. Vuċi li tisma’, li tifhem, u li ma tibżax tgħid il-verità, anke meta tkun diffiċli. Dan hu dak li jirrappreżenta l-Partit Nazzjonalista.
It-triq ’il quddiem mhijiex faċli. Imma, bħal ma dejjem jgħidilna l-Kap tagħna, hija possibbli. Possibbli jekk inpoġġu lin-nies l-ewwel, jekk inħaddmu r-responsabbiltà, u jekk nemmnu li Malta u Għawdex jistgħu jkunu aħjar milli huma llum. Jiena nemmen f’dan il-futur.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 20 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

