Internazzjonali

Qed iseħħu elezzjonijiet għat-tmexxija tal-Ħamas

Skont sorsi fi ħdan il-grupp Ħamas, qed iseħħu elezzjonijiet f’Gaża u l-West Bank sabiex jiġi magħżul il-mexxej tal-Hamas.

Din l-elezzjoni tiġi wara tħassib mill-pajjiżi involuti fid-diskussjonijiet għall-paċi f’Gaża dwar il-governanza futura ta’ Gaza. Tul it-taħditiet għall-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u Hamas, l-Istati Uniti wriet tħassib ukoll dwar il-futur ta’ gruppi armati f’Gaża.

Intant, kundizzjoni fil-qbil għall-waqfien mill-ġlied hija lil-Ħamas ma jkollhiex futur f’Gaża u li l-Awtorità Palestinjana tibda tiggverna l-Palestina wara riformi interni.

Bosta mill-mexxeja tal-Ħamas ġew maqtula minn attakki Iżraeljani mill-bidu tal-ġlied f’Ottubru tal-2023 meta l-Ħamas qatlu madwar 1,200 pajżan Iżraeljan u ħatfu 251 persuna.

Il-proċess ta’ din l-elezzjoni hija sigrieta u mhuwiex magħruf meta r-riżultat se jkun imħabbar. L-iktar persuni magħrufin fil-Hamas bħalissa huma l-mexxej tal-Ħamas f’Gaża, Khalil al-Hayya, u l-eks mexxej tal-Ħamas Khaled Meshaal. Huwa mistenni li wieħed minn dawn iż-żewġ figuri jista’ jkun il-mexxej il-ġdid.

Il-grupp Ħamas kien rebaħ l-elezzjoni parlamentari Palestinjana tal-2006 fuq pjattaforma ta’ konfrontazzjoni mal-Iżrael minflok diplomazija. Sena wara l-elezzjoni ġlied bejn il-Ħamas u l-Oppożizzjoni tal-Partit Fatah irriżulta bil-Ħamas jieħdu kontroll ta’ Gaża u Fatah jieħdu kontroll tal-West Bank.

B’hekk il-grupp Ħamas huwa l-gvern de facto ta’ Gaża filwaqt li fil-West Bank l-Awtorità Palestinjana tal-Partit Fatah – li hija magħrufa minn bosta gvernijiet madwar id-dinja bħala l-gvern uffiċjali tal-Palestinjani – tillimita l-preżenza tal-Ħamas fil-West Bank.

Minkejja li l-Awtorità Palestinjana hija l-gvern rikonoxxut tal-Palestinjani, Iżrael spiss jimponi bosta restrizzjonijiet fuq individwi Palestinjani fil-West Bank, bħal fejn jistgħu jgħixu u jivvjaġġaw. Intant, tul il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas, suldati Iżraeljani invadew bosta kampijiet għar-rifuġju fil-West Bank.

Wara li ‘l fuq minn 72,000 Palestinjan maqtul kawża tal-ġlied bejn Iżrael u l-Ħamas – il-maġġoranza tagħhom ċivili – issa l-għażla għal mexxej ġdid tal-Ħamas tista’ tiddetermina l-futur tal-poplu Palestinjan.