Lokali

Repubblika jilqgħu d-deċiżjoni tal-Qorti b’rabta mal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat

Fi stqarrija ppublikata, l-NGO Repubblika laqgħet is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li sabet li l-inkjesta dwar il-kuntratt tal-isptarijiet saret b’mod ġust u skont il-liġi.

L-NGO spjegat li l-Qorti ċaħdet l-argument li l-proċess kien illegittimu jew li l-maġistrat kienet preġudikata. Dan ifisser li dak li ilu jingħad għal snin sħaħ – li din kienet “persekuzzjoni” jew “inkjesta politika” – issa ġie miċħud mill-qorti. L-istituzzjonijiet ġudizzjarji jistgħu u għandhom ikomplu jagħmlu xogħolhom sal-aħħar mingħajr ostakli.

Din is-sentenza għandha wkoll tifsira istituzzjonali importanti. Għal żmien twil il-maġistrat li mexxiet l-inkjesta kienet suġġetta għal pressjoni pubblika u politika qawwija. Joseph Muscat ikkoordina kampanja ta’ assassinju tal-karattru tal-maġistrat. Il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu intervjena b’mod ripetut biex jiskredita l-proċess, b’argumenti li jixbħu aktar lil difiża legali ta’ persuna akkużata milli lil rispett lejn l-indipendenza tal-ġudikatura. Illum il-Qorti kkonfermat li dawn l-attakki ma kellhom l-ebda bażi fattwali jew legali.

Fl-istqarrija kien spjegat kif f’demokrazija, l-iktar test importanti tal-istat tad-dritt jasal meta l-liġi trid tapplika għall-aktar persuni b’saħħithom politikament. L-istituzzjonijiet għandhom ikunu liberi li jinvestigaw, jikkonkludu u, jekk hemm il-każ, jikkundannaw mingħajr intimidazzjoni, kampanji ta’ deleġittimazzjoni jew pressjoni minn min għandu l-poter.

Repubblika fakkret li l-inkjesta bdiet wara rapport kriminali magħmul minn ċittadini.

Filwaqt li appellat sabiex l-istituzzjonijiet jaħdmu. Fejn spjegaw li l-ġustizzja trid issir fil-qrati u mhux fuq il-palk politiku. Din is-sentenza turi li, minkejja pressjoni qawwija, l-istat tad-dritt f’Malta jista’ jiffunzjona, jekk jingħata ċ-ċans jagħmel hekk.