Matul l-aħħar kwart tas-sena li għaddiet il-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel raw inqas turisti jokkupaw il-kmamar tagħhom.
Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-kumpanija Deloitte u li ġie ppreżentat waqt konferenza li saret mill-MHRA l-Ġimgħa filgħodu.
Matul il-konferenza ġie spjegat li matul l-aħħar kwart tas-sena li għaddiet il-lukandi ta’ ħames stilel laħqu 68.9% tal-okkupanza li tfisser tnaqqis ta’ 3.2% meta kkumparat mal-istess perjodu s-sena ta qabel.
Dan filwaqt li l-lukandi 4 stilel raw 73.8% ta’ okkupanza li tfisser tnaqqis ta’ 3.8% meta kkumparat mal-istess perjodu s-sena ta qabel. Minn naħa l-oħra l-lukandi tat-tliet stilel raw żieda ta’ 4.6%.
Matul il-konferenza ġie spjegat ukoll li matul l-2025 il-lukandi tal-4 u 5 stilel kellhom żieda fl-ispejjeż tal-operat.
Apparti minn hekk, ġie spjegat ukoll li matul l-2025 il-Gżejjer Maltin raw ‘il fuq minn 4 miljun turist li tfisser żieda ta’ 12.9% meta kkumparat mas-sena 2024.
Minkejja ż-żieda fil-volum tat-turisti, it-tul medju tal-vaganza naqas b’7.3% dan wara li matul is-sena 2024 it-turisti kienu qed idumu medja ta sitt ijiem f’pajjiżna.
Ġie spjegat ukoll li t-turisti f’pajjiżna nefqu medja ta’ €153.48 kull jum li qattgħu għal btala f’Malta u Għawdex.



