Il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, ippreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, sabet lil Mario Vella, ta’ 47 sena miż-Żurrieq, ħati ta’ sensiela ta’ reati relatati ma’ frodi, approprjazzjoni indebita u użu ħażin ta’ fondi waqt li kien jokkupa kariga ta’ uffiċjal jew impjegat pubbliku.
Il-każ, tressaq mill-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Andy Rotin, kien jirrigwarda atti mwettqa bejn Jannar 2024 u April 2025. Skont l-akkużi, Vella allegatament għamel qligħ illeċitu permezz ta’ qerq u mezzi kontra l-liġi għal vantaġġ privat tiegħu jew ta’ terzi, u kkawża ħsara li kienet taqbeż il-€500 iżda ma tilħaqx il-€5,000 għad-detriment tal-Gvern ta’ Malta u persuni oħra.
Huwa kien akkużat ukoll li għamel approprjazzjoni bla jedd ta’ somom li kienu fdati lilu minħabba l-kariga tiegħu, kif ukoll li għamel użu ħażin minn flejjes u dokumenti li kienu ġew fdati lilu fil-kapaċità ta’ uffiċjal pubbliku. Fost l-akkużi kien hemm ukoll li xjentement għamel dikjarazzjonijiet jew stqarrijiet foloz f’dokumenti maħsuba għal awtorità pubblika sabiex jikseb benefiċċju.
Fis-seduta tal-19 ta’ Frar 2026, l-imputat ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih fl-ewwel opportunità, u wara li ngħata żmien biex jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu, ikkonferma l-ammissjoni tiegħu b’mod inkondizzjonat. Il-Qorti, fid-dawl ta’ din l-istqarrija ta’ ħtija, għaddiet direttament biex tippronunzja s-sentenza tagħha skont il-liġi.
Filwaqt li sabitu ħati tal-imputazzjonijiet kollha, il-Qorti qieset diversi ċirkostanzi mitiganti, fosthom l-ammissjoni bikrija ħafna li evitat il-ħtieġa li jinġabru provi ulterjuri, il-fatt li s-somom in kwistjoni ġew irtirnati u mħallsa kompletament, kif ukoll il-fedina penali nadifa tal-imputat. Ġie kkunsidrat ukoll li Vella kkollabora mill-ewwel mal-awtoritajiet investigattivi, fatt ikkonfermat mill-prosekuzzjoni.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ddeċidiet li tqiegħdu taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin skont il-Kapitolu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta. L-imputat ġie mwissi dwar il-konsegwenzi legali jekk jikkommetti reat ieħor jew jikser il-kundizzjonijiet tal-ordni matul dan il-perjodu, u esprima r-rieda tiegħu li jikkonforma. Il-Qorti ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u lill-Avukat Ġenerali skont il-liġi.
//= $special ?>

