Lokali

George Vital Zammit jappella għal politika aktar miftuħa u kuraġġuża

George Vital Zammit, iċ-Chairperson tal-Konvenzjoni “Malta ’l Quddiem”, fetaħ il-ħidma tal-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista b’diskors li ffoka fuq il-ħtieġa ta’ spazju ġdid għall-politika, spazju ta’ djalogu sinċier, smigħ reċiproku u viżjoni fit-tul għall-pajjiż.

Fil-bidu tal-indirizz tiegħu, George Vital Zammit enfasizza li dawk preżenti ma ingħaqdux sempliċiment għax irċevew stedina, iżda għax jemmnu fil-bżonn ta’ spazju fejn l-ideat jingħataw valur u mhux kompetizzjoni għall-attenzjoni. Huwa sostna li l-Konvenzjoni Nazzjonali hija “att ta’ fiduċja fil-politika, fid-djalogu u fid-demokrazija”, u wissa li partit li jieqaf jisma’ jispiċċa jsir biss eku tiegħu nnifsu.

Il-Konvenzjoni Nazzjonali, mifruxa fuq jumejn, hija maħsuba biex tiġbor ideat konkreti dwar il-futur ta’ Malta u Għawdex. Vital Zammit spjega li l-ewwel jum huwa ddedikat għal sitt temi ewlenin, b’ħames workshops paralleli u diskussjoni separata dwar Għawdex. It-temi jvarjaw minn kif irridu ngħixu u naħdmu, sa kif nippreparaw lill-ġenerazzjonijiet futuri u x’tip ta’ Gvern qed jistennew iċ-ċittadini.

Ic-Chairperson tal-Konvenzjoni Nazzjonali saħaq li l-għan mhuwiex li jingħataw tweġibiet lesti, iżda li jinħoloq spazju inklużiv u bilanċjat fejn kulħadd jista’ jikkontribwixxi, filwaqt li enfasizza li l-valur jiġi mid-diskussjoni miftuħa u mis-smigħ tassew.

Fit-tieni jum, il-ħidma tal-workshops se tinġabar f’sessjoni plenarja, fejn ir-rapporteurs jippreżentaw sinteżi tal-kontributi. Dan, skont Vital Zammit, għandu jwassal għal stampa aktar wiesgħa tal-viżjoni li toħroġ mill-Konvenzjoni.

George Vital Zammit irrikonoxxa li Malta qed tiffaċċja sfidi kumplessi bħal sfidi li jolqtu d-demografiċi, ekonomiċi, ambjentali u teknoloġiċi, filwaqt li sostna li pajjiż żgħir ma jistax jaffordja li jwieġeb għall-problemi tal-lum b’għodod tal-bieraħ. “Dak li ma nagħmlux aħna, se jsibuh ma’ wiċċhom ta’ warajna,” wissa.

Vital Zammit sejjaħ lill-Konvenzjoni Nazzjonali bħala laboratorju ta’ immaġinazzjoni, fejn il-parteċipanti għandhom jaħsbu b’mod frisk u responsabbli. Huwa enfasizza wkoll li l-politika tilħaq il-maturità tagħha meta ssir tfittxija għall-aħjar soluzzjoni u mhux ġlieda għall-aħħar kelma.

Il-programm tal-Konvenzjoni Nazzjonali jinkludi wkoll panel dwar l-ekonomija, b’enfasi fuq ekonomija responsabbli, inklussiva u tal-benesseri, kif ukoll interventi minn personalitajiet politiċi Ewropej: Mikuláš Dzurinda, Andrej Plenković, Dolors Montserrat u Manfred Weber.

F’għeluq id-diskors tiegħu, George Vital Zammit iddeskriva lil Malta bħala pajjiż żgħir fid-daqs iżda kbir fl-aspirazzjoni, u staqsa jekk hemmx il-kuraġġ li naħsbu aħjar biex nagħmlu aħjar. Huwa sejjaħ lill-parteċipanti biex jagħmlu minn dawn il-jumejn opportunità biex jaħsbu, jisimgħu u jifhmu, “u flimkien inħarsu ’l quddiem.”