Internazzjonali

KAŻ LI XXOKJA PAJJIŻ: Tifel Taljan miet wara li għamlulu trapjant ta’ qalb friżata

Hija storja ta’ qsim il-qalb dik li seħħet illum fl-Italja. Dan wara li tifel ta’ sentejn u nofs miet meta sarlu trapjant tal-qalb – u wara rriżulta li l-qalb kienet iffriżata.

L-intervent kien seħħ jumejn qabel il-Milied li għadda. It-tifel kien jismu Domenico. U ommu Patrizia (ritratt) ma tistax temmen dak li għaddiet minnu.

L-avukati tagħha spjegaw li t-tifel ingħata qalb li kienet saritilha ħsara irreparabbli waqt it-trasport.

Ftit qabel ma binha miet, Patrizia qalet li kienu ilhom sentejn jistennew it-trapjant; u xahrejn ilu rċevew it-telefonata li nstabet qalb għal binhom. Hu kien ġie operat fit-23 ta’ Diċembru, iżda wara l-operazzjoni l-omm ġiet infurmata li l-qalb il-ġdida ma bdietx taħdem.

Patrizia qalet li ħadd ma qalilha x’ġara, sakemm xi ħadd żvela mal-midja li binha kien ingħata qalb friżata f’kundizzjonijiet li ma kienux tajbin għal trapjant.

Intant, issa l-familja se tkun qed twaqqaf Fondazzjoni bl-isem ta’ Domenico – li l-għan tagħha se jkun biex jitqajjem għarfien kontra proċessi qarrieqa fil-mod kif isiru t-trapjanti.