Lokali

“Politiċi bħal Alex Borg garanzija għal viżjoni fit-tul” – L-eks PM Slovakk Mikuláš Dzurinda

Is-soċjetà teħtieġ politiċi ġodda, ta’ kuraġġ u determinazzjoni, politiċi bħal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg li kapaċi jwasslu viżjoni b’kapaċità u valuri Ewropej.

Sostna dan l-eks Prim Ministru Slovakk Mikulas Dzurinda f’intervista ma’ Net News hekk kif tkellem dwar l-importanza ta’ tiġdid politiku li jwassal mhux biss għal tama ġdida imma riżultati tanġibbli li jgawdu minnhom il-familji.

L-eks Prim Ministru Slovakk li lura fl-2004 daħħal lill-Islovakkja fl-Unjoni Ewropea, sostna li l-politiċi tal-lum iridu jqiegħdu fiċ-ċentru l-ħtiġijiet tal-familji, politika li twassal proġetti li jgawdi minnhom kulħadd, politika li tissarraf f’garanzija għal futur.

Dzurinda saħaq li għalhekk il-poplu Malti u Għawdxi għandu jagħżel lil Alex Borg.

Huwa insista dwar ir-rispett li jgawdi l-Partit Nazzjonalista fi ħdan l-akbar familja politika fl-Ewropa, il-Partit Popolari Ewropew. Dzurinda sostna li dan jixhdu l-fatt li bħala President tal-Parlament Ewropew kienet magħżula għal darbtejn il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola.

Finalment, huwa ġedded il-memorji u stqarr dwar ir-relazzjoni brillanti li kien hemm bejn l-Islovakkja u Malta partikolarment taħt Gvern Nazzjonalista fit-tmexxija tal-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami.

Fis-sessjoni tal-Ħadd…qabel d-diskors mistenni tal-għeluq mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, dawk preżenti se jkunu indirizzati mhux biss mill-eks Prim Ministru tas-Slovakkja, iżda anke mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew u eks Ministru tal-Gvern Spanjol Dolors Montserrat.