“Infasslu qafas ta’ politika li verament iwassalna ’l quddiem, iggwidati mill-valuri tar-rispett, il-kuraġġ u t-tama”

Fil-ftuħ tal-Konvenzjoni Nazzjonali “Malta ’l Quddiem”, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jappella lil kulħadd biex jingħaqad mal-PN ħalli nibnu pont bejn il-viżjoni u l-azzjoni, biex inħaddmu politika min-nies għan-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg fetaħ uffiċjalment il-Konvenzjoni Nazzjonali tal-PN billi enfasizza li din il-Konvenzjoni għandha tkun spazju miftuħ għal diskussjoni wiesgħa u parteċipattiva dwar il-futur tal-pajjiż.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, Alex Borg sostna li l-għan ewlieni tal-Konvenzjoni mhuwiex li l-partit jitkellem bejnu u bejn ruħu, iżda li jisma’, jiddiskuti u jibni flimkien maċ-ċittadini. Huwa enfasizza li l-politika tagħmel sens biss meta tibda min-nies u twassal lura għand in-nies, filwaqt li sostna li l-partiti politiċi jistgħu jifhmu l-ħtiġijiet reali tas-soċjetà biss jekk jiġbru flimkien individwi, komunitajiet, negozji, għaqdiet volontarji u trade unions.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Malta qed tgħix fi żmien ta’ sfidi kbar, iżda wkoll ta’ opportunitajiet, u sostna li dan hu l-mument li fih il-pajjiż irid jaħseb b’mod kuraġġuż. Dan filwaqt li fi kliemu, il-Konvenzjoni għandha tkun xprun għall-ideat u mhux eżerċizzju teoriku, iżda proċess serju li jwassal għal soluzzjonijiet konkreti.

Alex Borg irrimarka li l-Partit Nazzjonalista jrid jikkonsolida r-rwol tiegħu bħala “government-in-waiting”, u li dan jinvolvi responsabbiltà, tmexxija li lesta tieħu deċiżjonijiet għaqlin, preżentazzjoni ta’ proposti kredibbli u programm koerenti. Huwa qal li mill-Konvenzjoni għandu joħroġ qafas ta’ politika li jwassal lill-pajjiż ’il quddiem b’viżjoni ċara.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN identifika tliet valuri ewlenin li għandhom jiggwidaw il-proċess; ir-rispett lejn kull min jaqsam l-esperjenza tiegħu, il-kuraġġ li jiġu indirizzati problemi li ilhom jiġu evitati, u tama realistika mibnija fuq fatti u responsabbiltà.

Huwa stieden lil dawk preżenti biex jieħdu sehem attiv fid-diskussjoni dwar diversi temi, fosthom l-għoli tal-ħajja, l-edukazzjoni u l-ħiliet, il-mobbiltà u l-ambjent, l-aċċess għall-proprjetà, it-teknoloġiji ġodda, is-sigurtà, it-tradizzjonijiet u l-identità nazzjonali, kif ukoll it-trasparenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg temm jgħid li l-Konvenzjoni għandha sservi ta’ pont bejn il-viżjoni u l-azzjoni, u bejn it-tama u t-twettiq, filwaqt li wiegħed li l-impenn tal-partit hu li jisma’, jiddiskuti u jwettaq b’kontabbiltà.