Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq storbju u fastidju fil-konfront tal-ġirien f’San Pawl il-Baħar

Sentenza sospiża mogħtija mill-Maġistrat Dr. Nadia H. Vella wara li sabet lil Christopher Galea ta’ 47 sena ħati ta’ fastidju fil-konfront tal-ġirien tiegħu, f’dan il-każ ta’ koppja, wara sensiela ta’ inċidenti marbuta ma’ xogħlijiet ta’ ristrutturar li wettaq fl-appartament tiegħu.

Il-każ kien jinvolvi allegazzjonijiet li Galea, li joqgħod fl-istess blokka f’San Pawl il-Baħar, wettaq xogħlijiet estensivi ta’ rinnovazzjoni fil-kamra tal-banju tiegħu fuq medda ta’ diversi xhur fl-2024, liema xogħlijiet wasslu għal storbju kontinwu u inkonvenjent serju għall-ġirien ta’ taħtu.

Il-koppja xehdu li l-istorbju kien frekwenti u, f’ċerti okkażjonijiet, insapportabbli, b’mod partikolari meta kienu qed jippruvaw jgħinu lil binthom fl-istudju, li hija fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Skont ix-xhieda, il-ħsejjes kienu jinkludu daqqiet ta’ martell, użu ta’ power tools u ċaqliq ta’ oġġetti f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, inkluż fi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi.

Il-vittmi żammew notamenti dettaljati tal-ġranet u l-ħinijiet meta seħħew l-inċidenti, u ppreżentaw ukoll recordings ta’ ċerti ħsejjes fil-Qorti. Min-naħa tiegħu, l-imputat ammetta li wettaq ix-xogħlijiet hu stess sabiex jiffranka l-flus, u li dawn damu madwar ħames xhur.

Huwa sostna li qatt ma ġie avviċinat mill-ġirien qabel ma sar rapport lill-Pulizija u li x-xogħol kien neċessarju. Madankollu, il-Qorti osservat li wara li ġie uffiċjalment infurmat bl-ilment, huwa xorta kompla bix-xogħlijiet mingħajr ma pprova jnaqqas l-impatt fuq il-ġirien.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti enfasizzat il-prinċipju u l-obbligu ta’ kull persuna li taġixxi b’mod raġonevoli u b’rispett lejn min jgħix fil-qrib, speċjalment f’ambjent ta’ blokka ta’ appartamenti. Ġie nnutat li l-mod kif twettqu x-xogħlijiet u t-tul tagħhom wasslu għal “course of conduct” li jikkostitwixxi fastidju skont il-liġi.

Il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-ewwel u tat-tieni akkuża relatati mal-fastidju, iżda lliberatu mit-tielet u mir-raba’ akkuża dwar ksur tal-mistrieħ tan-nies bil-lejl u użu ta’ mezzi ta’ amplifikazzjoni tal-ħoss, peress li dawn ma ġewx ippruvati sal-grad meħtieġ mil-liġi.

Galea ġie kkundannat għal disa’ xhur priġunerija sospiżi għal sentejn. Barra minn hekk, sabiex tipprovdi għas-sigurtà tal-partijiet leżi, il-Qorti ordnatlu ma jimmolestax jew javviċinax lill-koppja taħt penali ta’ €2,300 għal perjodu ta’ sena.

Il-Maġistrat fissret lill-imputat il-konsegwenzi serji jekk jikkommetti reat ieħor matul il-perjodu ta’ sospensjoni jew jikser l-ordni imposta fuqu. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Francesco Mizzi.