Futbol Sport

Sliema W. jirbħu kontra Valletta

Wara d-draw ta’ mingħajr gowls kontra Żabbar St Patrick, f’nofs il-ġimgħa, Valletta waqqgħu tliet punti oħra fil-Kampjonat meta għat-tielet darba dan l-istaġun ma rrnexxilhomx jirbħu kontra Sliema Wanderers.

Gowl waħdini skorjat għaxar minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, kien biżżejjed biex il-blues jerġgħu jiksbu rebħa oħra f’dan il-Kampjonat kontra l-Beltin. Din kienet it-tielet darba dan l-istaġun li Valletta u Sliema Wanderers affrontaw lil xulxin fil-Malta Premier, bl-ewwel konfront, dak ta’ Settembru li għadda kien intemm fi draw ta’ 1-1 u fl-aħħar dwell bejnithom, f’nofs Diċembru, is-Slimiżi kienu rebħu 2-1. Dak in-nhar il-gowl tar-rebħa kien skorjat fid-90 minuta minn Roko Prsa.

Din id-darba, f’konfront ieħor ekwilibrat bejn it-tnejn, kien gowl tal-internazzjonali Somalu, Mohamed Awad, b’konkluzzjoni li ħasdet lill-gowlkiper Adilson Maringá li għamlet id-differenza kollha u tat it-tliet punti tant importanti fil-mument lil Sliema Wanderers.

Din kienet it-tielet rebħa tas-Slimiżi fil-Closing Round, wara li kienu ġejjin minn żewġ draws konsekuttivi ta’ 1-1 kontra Naxxar Lions u Birkirkara.

Permezz ta’ dan ir-riżultat, Sliema Wanderers laħqu lill-istess Valletta, b’12-il punt, fil-ħames post tal-klassifika u wara tmien partiti mil-bidu tal-Closing Round.

Għal Valletta dan ir-riżultat fisser li mill-aħħar ħames partiti li lagħbu fil-Malta Premier, huma naqsu milli jiskorjaw f’erba’ konfronti, bl-uniku gowls li skorjaw mill-aħħar ħames partiti tal-Kampjonat kienu kontra Gżira United fir-rebħa ta’ 2-0.