Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut, indirizza l-ftuħ tal-Konvenzjoni Nazzjonali “Malta ’l Quddiem”, fejn enfasizza l-importanza ta’ dan il-mument bħala pass kruċjali fil-proċess ta’ tiġdid u tisħiħ tal-viżjoni politika tal-partit.
Fl-indirizz tiegħu, Mark Anthony Sammut spjega li l-konvenzjoni hija parti minn mixja li bdiet xhur ilu, b’laqgħat ma’ korpi kostitwiti, NGOs, esperti u kunsilliera tal-partit madwar Malta u Għawdex. Huwa qal li permezz tal-Kunsill Ġenerali u l-Assemblei Reġjonali ġew identifikati sitt temi ewlenin li se jiffurmaw il-qafas tal-programm elettorali li jmiss.
Il-President tal-Kunsill Ġenerali spjega li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel għażla konxja li ma jmurx għall-elezzjoni b’wegħdi frammentati, iżda b’viżjoni koerenti għal pajjiż li jrid jippjana għaxar, għoxrin u tletin sena ’l quddiem. “Ma nistgħux nibqgħu nirreaġixxu għall-kriżijiet biss,” sostna Sammut, waqt li appella għal governanza aktar serja u responsabbli.
Mark Anthony Sammut enfasizza li r-rispett lejn kull min jagħti l-kontribut tiegħu, il-kuraġġ biex jiġu indirizzati temi diffiċli u t-tama li l-politika tista’ terġa’ tkun strument ta’ bidla pożittiva huma l-pedamenti li għandhom jiggwidaw id-diskussjonijiet tal-konvenzjoni.

Huwa rrimarka li l-pajjiż jinsab f’mument deċiżiv, b’elezzjoni ġenerali mistennija fi żmien relattivament qasir, u għalhekk il-partit għandu responsabbiltà li jkun lest mhux biss biex jikkontesta, iżda biex jiggverna b’direzzjoni ċara. Sammut qal li din il-konvenzjoni trid isservi bħala pont bejn il-ħsieb u l-azzjoni: bejn il-kontribut tal-parteċipanti u l-miżuri konkreti li eventwalment jidħlu fil-programm elettorali. Huwa stieden lil dawk preżenti biex jitkellmu b’mod miftuħ u onest, sabiex il-politika li toħroġ minn dan il-proċess tirrifletti r-realtajiet tal-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Fil-għeluq tal-intervent tiegħu, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN saħaq li l-għan aħħari mhuwiex sempliċiment riżultat elettorali aħjar, iżda l-bini ta’ pajjiż b’ekonomija sostenibbli, istituzzjonijiet b’saħħithom u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.



