Fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, inħarġu 597 permess tal-bini li flimkien jinkludu 3,487 unit residenzjali ġdid. Dan jirrappreżenta żieda sostanzjali ta’ 52.3% fin-numru ta’ permessi u 54.4% fin-numru ta’ residenzi … meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Skont data ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-akbar sehem tar-residenzi approvati kienu appartamenti, li ammontaw għal 2,505 units. Din ic-cifra tlahhaq 71.8% tal-proġetti kollha residenzjali approvati. Warajhom ġew il-penthouses b’551 unit, 291 maisonette, filwaqt li ġew approvati wkoll 98 terraced houses.
F’Malta kien hemm żieda ta’ 53.6% fin-numru ta’ residenzi ġodda approvati. U f’Għawdex, iż-żieda kienet saħansitra ogħla, b’59.1%.
Fuq livell reġjonali, l-ogħla konċentrazzjoni ta’ residenzi ġodda ġiet irreġistrata fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port, fejn ġew approvati 1,276 unit. Min-naħa l-oħra, l-inqas numru ta’ permessi kien fid-Distrett tal-Punent, b’196 residenza.
Fir-rigward tal-lokalitajiet, Santa Venera kienet fuq nett fil-klassifika, b’263 residenza ġdida approvata. Warajha segwew Ħal Qormi b’197 unit, Birkirkara b’188 unit, San Ġiljan b’180 unit u l-Mosta b’157 unit.
Iċ-ċifri juru tendenza ċara ta’ tkabbir fl-iżvilupp residenzjali madwar il-pajjiż, b’żieda konsiderevoli fl-attività tal-kostruzzjoni matul l-aħħar kwart tas-sena.

