“Ir-reġjonalità tfisser li l-Għawdxin ikunu jistgħu jagħżlu l-prijoritajiet tagħhom. Il-konettività hija l-lifeline tagħna”.
Kienet din id-dikjarazzjoni ta’ Daniel Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Business Chamber li kien ir-rapporteur tal-workshop ‘Għawdex fil-Qalba tal-viżjoni Nazzjonali’.
Huwa spjega li kien propju bis-saħħa tal-Kunsill Ċiviku ta’ Għawdex li taħtu rat kisbiet importanti fosthom l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, industrial estate, akkomodazzjoni soċjali taċ-ċawla u anke l-port tal-Mġarr.
Fejn anke kien spjegat li l-fatt li Għawdex ingħata Ministeru għalih kien pass importanti.
Borg spjega li ħafna drabi l-ħsibijiet tal-Gvern iduru mal-effiċjenza, iżda fuq Għawdex għandu jkun iffokat il-bniedem, li huwa fiċ-ċentru.
Huwa spjega wkoll li għandu jkun hemm investiment sostanzjali f’niċeċ ekonomiċi ġodda bħall-MedTech u Marketing Diġitali u li jiġu flimkien fid-Digital Innovation Hub u li sa issa għadu ma rax avvanz.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Business Chamber spjega li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw prijorità, fejn Għawdex ikollu benesseri soċjali u ekonomiku billi l-mudell ekonomiku jkolu fiċ-ċentru l-familji u l-komunitajiet u mhux wieħed li joħloq id-diffikultajiet.
Finalment, Borg enfasizza li l-konettività hija importanti għall-Għawdxin. Fejn appella għal aktar minn soluzzjoni waħda, fosthom permanent link bejn il-gżejjer Maltin.
Fejn appella li Għawdex għandu bżonn politika b’saħħitha, u matura u sabiex l-Għawdxin jieħdu d-deċiżjonijiet li jistgħu verament jimbottawhom ‘l quddiem.





