“Jekk irridu Malta lesta għal għada, irridu nibdew mill-llum.”
Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, f’diskors tal-għeluq tal-Konvenzjoni Nazzjonali, bit-tema “Malta ‘l Quddiem”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalistam tenna li matul dawn il-jumejn il-Partit Nazzjonalista offra spazju miftuħ ta’ diskussjoni fejn ta l-opportunita lill-poplu Malti u Għawdxi isemma’ leħnu u stqarr li “l-politika tan-nies ma tibdiex minn diskors, iżda tibda mis-smigħ.” Din il-konvenzjoni kienet prova ta’ kif irridu nfasslu politika li tħoss il-polz tan-nies.
Alex Borg, tenna li f’pajjiżna l-ispazju li qed jintilef mhuiex biss fiżiku iżda huwa spazzju fil-ħajja tagħna … li wieħed jieħu nifs u li jgħix. Stqarr li l-poplu huwa għatxan għas-serħan il-moħħ tal-futur. U qal kif qed ngħixu ħajja mgħaġġla fejn il-ħin qed jinħass limitat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, tenna li progress mingħajr bilanċ, joħloq problemi ġodda u għalhekk jeħtieġ li nsibu l-bilanċ. Stqarr li l-ewwel prijorita għall-Partit Nazzjonalista hija l-kwalita tal-ħajja fejn il-komunitajiet isiru aktar b’saħħithom.
Stqarr li Gvern ġdid Nazzjonalista, jagħti s-saħħa lil min iżomm lill-komunitajiet ħajjin inkluż il-volontarjat, għaqdiet, baned fost oħrajn. Fakkar kif kien il-Partit Nazzjonalista stess li waqqaf il-Kunsilli Lokali u li matul is-snin dawn wettqu ħafna ġid fil-lokalitajiet li għandhom tant għal qalbhom.Tenna li Gvern immexxi minnu jerġa’ jpoġġi lill-Kunsilli Lokali lura fil-qalba tal-komunita.
Tenna li l-Partit Nazzjonalista, lest li jibni kultura ġdida ta’ standards. Dan għaliex it-trasparenza hija d-dmir ta’ kull Gvern.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, saħaq li gvern tajjeb joffri servizz li jaħdem b’mod ċar u qal li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu Gvern li tassew jieħu ħsiebu. Hawnhekk irrefera għal oqsam ta’ saħħa u edukazzjoni li tassew ipoġġu l-individwu fiċ-ċentru.
Stqarr li l-edukazzjoni ta’ pajjiżna ma tistgħax tibqa’ kapitlu f’ħajjitna, iżda trid issir ktieb li jibqa’ għaddej tul ħajjitna kollha. Neħtieġu sistema li tifhem li kull tifel u tifla huma differenti. U li l-għalliema jeħtieġu aktar appoġġ personalizzat. L-edukazzjoni huwa l-pedament tas-soċjeta tagħna.
Saħaq li pajjiżna jeħtieġ isaħħaħ l-edukazzjoni vokazzjonali u teknika billi jerġa’ jiġi ntrodott it-tagħlim tas-snajja. Saħaq li edukazzjoni moderna tfisser ġenerazzjoni kunfidenti.
B’rabta ma’ Għawdex, Alex Borg stqarr li m’għandux m’għandux iħossu maqtugħ għalih u li jemmen f’soluzzjonijiet li jħollu l-frott. Qal ukoll li l-ekonomija u l-impjiegi f’Malta iridu jkomplu jinbnew fuq il-valur miżjud. Stqarr li Għawdex jeħtieġ aktar investiment marbut mal-kompetenza tal-ħaddiem Għawdxi.
Tkellem ukoll dwar it-traffiku f’pajjiżna u fakkar dak li ġie żvelat ftit tal-jiem ilu – li pajjiżna huwa t-tieni l-aktar pajjiż traffikuż fid-dinja u l-ewwel wieħed fl-Ewropa. Fakkar ukoll li f’pajjiżna t-traffiku qed jiswina mad-900 miljun ewro – flus li fil-verita jistgħu jintużaw f’oqsma li huma ferm aktar importanti.Tenna li t-traffiku qed jiswa ħajjet in-nies u l-mod ta’ kif iħossuhom.Tenna li llum il-Maltin qed iħossuhom daharhom mal-ħajt għax m’għandhomx għażla oħra ħlief li jużaw il-karozza tagħhom. Fid-diskors tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, faħħar il-fast ferry li serva bħala pass ‘il quddiem għal pajjiżna.
Alex Borg kompla jgħid kif Gvern ġdid Nazzjonalista, fl-ewwel mitt jum tiegħu bħala Prim Ministru iwettaq proġett ta’ massa Nazzjonalista li jopera sa tmiem il-leġiżlatura waħda.
Stqarr li l-konvenzjoni ma tispiċċax hawn u li se jibqa jisma lin-nies sabiex jieħu lil pajjiżna fid-direzzjoni li verament jixraqlu. Qal li din il-konvenzjoni serviet bħala triq ġdida li se twassalna għall-politika tat-twettiq.
Finalment irringrazzja lil kull min ikkontribwixxa għad-diskussjonijiet li saru u lil kull min qasam l-esperjenzi, diffikultajiet u l-aspirazzjonijiet tiegħu.
//= $special ?>

