Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ikkonferma l-intenzjoni tiegħu biex jimponi t-tariffi ekwivalenti għal 15 fil-mija fuq il-bqija tad-dinja…Reazzjoni rrabjata għad-digriet li għadda tlett ijiem ilu mill-Qorti Suprema Amerikana u li jinvalida t-taxxi preċedenti li Trump kien impona għall-importazzjoni ta’ prodotti lejn l-Istati Uniti.
Donald Trump, nhar il-Ġimgħa, kien infexx f’attakk bla heda fuq l-imħallfin tal-Qorti Suprema u għajjarhom ‘inkompetenti’ — fost id-dagħdigħa ta’ akkużi li huma marru ‘dolożament kontra l-interessi tal-poplu Amerikan;’
U dritt wara l-verdett tal-Qorti Suprema, Turmp qal li kien se jibdel it-tariffi invalidati mill-Qorti ma’ levy ta’ 10 fil-mija fuq il-prodotti kollha li jidħlu f’pajjiżu.
Jidher, issa, li Trump irid juri d-diżapprovazzjoni tiegħu għall-verdett b’mod jerġa’ aktar emfatiku.
Dan waqt li hu, sigħat ilu, ħabbar fuq is-sit Truth Social li l-levies, jew tariffi, għandhom jiżdiedu għall-ogħla livell permissibbli taħt liġi kummerċjali li l-ebda Gvern Amerikan preċedenti ma qatt irrikorra għaliha.
Il-liġi inkwistjoni tippermetti biex dawn it-tariffi l-ġodda jibqgħu effettivi għal madwar ħames xhur qabel tidħol fis-seħħ il-proviżjoni li tirrikjedi biex il-Gvern Amerikan ifittex ‘bilfors’ l-approvazzjoni tal-Kungress.
It-tariffi ta’ 10 fil-mija mħabbra minn Trump suppost li kellhom isiru effettivi proprju għada t-Tlieta, l-24 ta’ Frar.
Intant, mhux ċar jekk it-tariffa miżjuda ta’ 15 fil-mija għandhiex tkun ukoll imposta minn din il-ġurnata speċifika.
L-aħħar manuvri mill-White House, bħalma mistenni, qanqlu kritika awtomatika mill-Gvernijiet ta’ Franza, il-Ġermanja u Spanja fost oħrajn.
Fl-istess ħin, ir-rata ġdida tat-tariffi ekwivalenti għal 15 fil-mija li qed jinsisti dwarha Trump qed tqajjem ukoll il-mistoqsijiet dwar ir-reazzjonijiet minn pajjiżi bħar-Renju Unit u l-Awstralja…Pajjiżi li, qabel, kienu waslu fi ftehim ma’ Trump għal tariffa ‘fissa’ ta’ 10 fil-mija fuq il-prodotti li huma jesportaw lejn l-Istati Uniti.
Isabbat saqajh….
Donald Trump, madankollu, qed ikompli jsabbat saqajh wara l-verdett tal-Qorti Suprema. Hu qed isostni li l-Gvern tiegħu deċieda biex iżid it-tariffi wara r-reviżjoni tad-deċiżjoni li ħadet il-Qorti rigward it-tariffi oriġinali…Deċiżjoni li, fi kliem Trump, kienet ‘waħda ridikola, miktuba ħażin u intenzjonata bħala daqqa’ ta’ ħarta lill-poplu Amerikan’.
Il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti – l-Ogħla Qorti fil-pajjiż – kienet sabet, b’sitt voti kontra tlieta, li l-President Trump qabeż kull limitu tal-poteri tiegħu meta hu, is-sena l-oħra, introduċa t-tariffi globali ‘across the board’ permezz ta’ liġi li kienet introdotta fl-1977 u li hi magħrufa bħala l-International Emergency Economic Powers Act (IEEPA).
U permess ta’ din il-liġi, l-Istati Uniti, sallum, ġabret l-ekwivalenti ta’ mill-anqas 110 biljun ewro f’tariffi – bis-sitwazzjoni l-ġdida x’aktarx li tippermetti biex il-Gvernijiet u l-entitajiet ta’ pajjiżi oħra, ‘il quddiem, jirrikorru għall-mezzi legali biex jieħdu flushom lura.
//= $special ?>

