Lokali

“Il-viżjoni 2050 mhix pjan, imma viżjoni – pajjiżna issa jeħtieġ pjan”

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“F’pajjiżna l-ġid ekonomiku jeħtieġ li jinfirex b’mod ekwu u ġust ma’ kulħadd.”

Kien dan il-messaġġ ewlieni li twassal waqt panel ta’ diskussjoni li saret fit-tieni u l-aħħar jum tal-Konvenzjoni Nazzjonali bit-tema ‘Malta ‘l Quddiem’, li ġiet moderata mill-Preżentatur Matthew Xuereb u li fiha pparteċipaw l-esperti Marisa Xuereb, Roberta Lepre, Abigail Agius Mamo, u Arthur Galea Salamone, b’diskussjoni dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Waqt id-diskussjoni intitolata “The Trusting Economy”, Marisa Xuereb tkellmet dwar il-bżonn ta’ niċeċ ġodda għal pajjiżna. Sostniet li niċċa tirrikjedi li jkollok għarfien tajjeb tas-settur, li nħarsu lejn dak kollu li għandna u nispeċjalizzaw fihom permezz ta’ swieq nazzjonali.

Stqarret li minħabba li Malta bħala pajjiż żgħir huwa limitat fir-riżorsi, ma tagħmilx sens li jmur għal produzzjoni tal-massa. Jeħtieġ impenn kbir mill-popolazzjoni tagħna li diġa qegħdin fid-dinja tax-xogħol sabiex nidħlu f’niċeċ li jikkombinaw setturi differenti.

Dan kollu jwassal għall-pagi aħjar u ninċentivaw aktar żgħażagħ u hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Dwar il-bilanċ bejn l-ekonomija u ż-żieda fil-popolazzjoni, tenniet li l-infrastruttura ta’ pajjiżna ma laħqitx – xi ħaġa li qed twassal biex il-problema tat-traffiku f’pajjiżna qed tkompli teskala.

Abigail Agius Mamo, tkellmet dwar id-diffikulta li naslu għal din id-direzzjoni. B’rabta ma’ viżjoni 2050, qalet li dan mhuiex pjan iżda viżjoni u għalhekk pajjiżna issa jeħtieġ pjan. U qalet li ma nistgħux nibqgħu inkejlu bil-GDP.

Agius Mamo tenniet li rridu nibdew nagħmlu miżuri importanti li nibqgħu nħarsu lejhom kull sena u qalet li minkejja l-avvanzi li għamilna tul is-snin xorta waħda għad fadlilna x’naqdfu biex inwasslu lil pajjiżna fid-direzzjoni li jixraqlu.

B’rabta mal-miżuri biex il-ġenituri jqattgħu ħin mat-tfal tagħhom, qalet li pajjiżna mhux jagħti biżżejjed importanza lil din it-tema. Qalet li rridu nagħmlu eżerċizzju biex innaqsu l-istress fuq il-familji- speċjalment fejn jidħol l-aspett finanzjarju.

Arthur Galea Salomone, tenna li f’pajjiżna ż-żgħażagħ tagħna jixraqilhom impjieg ta’ kwalita; li eventwalment ikun biżżejjed biex isiru sidien ta’ djarhom. Jeħtieġ bilanċ bejn il-ħin liberu u x-xogħol biex l-importanza li nagħmlu għażliet ekonomiċi għaqlin. Id-dinja qed tagħtina opportunitajiet oħrajn permezz anke ta’ niċeċ diġitali. Il-ġid ekonomiku jrid jinfirex b’mod ekwu u ġust ma’ kulħadd. Irridu nsaħħu l-familji u l-komunitajiet tagħna billi l-ġid ekonomiku jinfirex fost il-faxex kollha tas-soċjeta’.

B’rabta mal-prezzijiet affordabbli tal-proprjeta, Arthur tenna li żgħażagħ li ma jaffordjawx jixtru proprjeta, qed jispiċċaw jipposponu biex jibdew jibnu familja. L-awtorita tad-djar għandha numru ta’ skemi iżda dawn mhumiex biżżejjed.

Galea Salomone, saħansitra ssuġġerixxa sabiex pajjiżna joħloq skemi simili għal dawk f’pajjiżi barranin fothom ir-rent to buy clusters u tkellem anke dwar il-bżonn li l-iżviluppaturi jiġu inċentivati biex jipprovdu housing affordabbli.

Roberta Lepre tkellmek dwar is-sostennibilita. Hawnhekk irreferiet għall-impatt soċjali u l-governanza. U qalet li jekk ma jkunx hemm governanza tajba ma jkunx hemm progress la mil-lat soċjal u l-anqas dak ambjentali. L-isfida li għandna quddiema mhijiex ir-riżorsi u l-ħiliet tekniċi, iżda l-kultura.

Jeħtieġ li jkun hemm inċentivi u infurzar sabiex il-kultura tagħna tinbidel għall-aħjar. Finalment tkellmet dwar il-ħtieġa ta’ pjan ċar li jagħti appoġġ lis-settur tal-ekonomija soċjali li jiġbor fih entitajiet li jaħdmu fis-suq.