Colin Schembri
Valletta Dream………..77
Athleta AtoZ………….92
(13-21)(23-22)(14-25)(27-24)
Athleta AtoZ kisbu rebħa ta’ 92-77 fuq Valletta Dream f’partita fejn il-kontroll tagħhom deher għal ħafna mill-ħin. Id-differenza waslet mill-pressjoni difensiva li ġġenerat 24 punt minn turnovers u 25 punt mill-fast break, filwaqt li kienu aktar effiċjenti fl-attakk b’1.15 punti kull pussess. Athleta ddominaw ukoll fiż-żona b’44 punt u sfruttaw l-offensive rebounds biex iżidu 18-il punt ieħor, waqt li Valletta, minkejja kontribuzzjoni aħjar mill-bank, sabu diffikultà biex ilaħħqu mar-ritmu u jżommu l-ballun.Il-partita kellha bidu kwiet bl-Athleta jibdew b’żewġ trippli ta’ Luca Borg fil-waqt li għal Valletta l-ewwel punti ġew mill-free-throw line permezz ta’ Stefan Vincic u Kieron Caruana. Athleta komplew bi 8 punti mingħajr risposta b’żewġ baskets ta’ Marcus Duffy flimkien ma’ Borg u Orlando Little. Mal-ħin, Valletta bdew jersqu viċin b’punti minn Matteo Rieger u Francesco Mifsud Bonnici flimkien ma’ trippla ta’ Albert Varcallo però Borg għamel trippla oħra u Athleta temmew it-taqsima 21-13 minn fuq. Fit-tieni perjodu Valletta bdew b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla minn Varcallo u fit-tielet minuta waslu sa’ punt ‘l bogħod 22-23. Kien hemm trippla fuq kull naħa minn Varcallo u Robert Vitale u Caruana poġġa lil Valletta għall-ewwel darba minn fuq 27-26. Athleta reġgħu ħadu l-vantaġġ bi trippli ta’ Duffy u Isaac Bonett u għalkemm Caruana u Varcallo irrispondew għal Valletta, Bonett għamel trippla oħra għal skor ta’ 39-33. Nehemiah Watson u Caruana għamlu l-aħħar punti ta’ Valletta bit-taqsima tagħlaq bil-punti ta’ Duffy u Borg għall-Athleta għal skor ta’ 36-43.
Athleta bdew it-tielet taqsima b’ħames punti bi trippla minn Little però Valletta irrispondew b’seba’ punti mingħajr risposta minn Caruana u Mifsud Bonnici b’Sandro Farrugia jsejjaħ time-out. Kien imiss lill-Athleta jirrispondu bi break qawwi ta’ 15-3 fosthom żewġ trippli minn Ebelashvili u punti minn Little u Borg. Borg kompla bi trippla oħra biex Athleta temmew it-taqsima 68-50 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni, il-logħob kien aktar maqsum bl-Athleta però jżommu vantaġġ stabbli. F’nofs it-taqsima kien għad hemm 15-il punt jifirdu liż-żewġ timijiet bi skor ta’ 78-63 favur Athleta li kellhom it-trippli ta’ Little u Borg. Athleta setgħu jikkontrollaw l-aħħar sforzi minn Valletta fejn kien hemm spazju għal aktar trippli fuq iż-żewġ naħat għal skor finali ta’ 92-72.
Valletta Dream: F. Mifsud Bonnici 5, L. Vella, K. Caruana 12, N. Watson 12, S. Vincic 10, F. Lisondra 3, P. Marotta 4, A. Varcallo 26, M. Rieger 5.
Athleta AtoZ: K. Fabri, M. Duffy 17, S. Ebelashvili 10, R. Vitale 3, I. Bonett 13, L. Borg 25, O. Little 24, J. Cefai, M. Farrugia.
Referees: Fiorentina Ciurariu, Andre Attard, Leonardo Silvero
The Plaza Depiro…………………….78
Luxol Sherries Estates……………70
(29-20)(22-18)(13-11)(14-21)
The Plaza Depiro kisbu rebħa ta’ 78-70 fuq Luxol Sherries Estates biex komplew mhux biss isaħħu t-tielet post tal-klassifika iżda jkomplu javviċinaw lejn post fil-play-offs. Depiro qatt ma sabu ruħhom minn taħt u żammew il-vantaġġ għal aktar minn 39 minuta. Id-differenza ġiet mill-preżenza fiż-żona b’50 punt u kontroll ċar tar-rebounds li wassal għal 12-il punt minn offensive rebounds, filwaqt li kienu aktar effiċjenti fl-attakk b’0.99 punti kull pussess kontra 0.86 ta’ Luxol. Depiro sfruttaw ukoll il-kontribuzzjoni tal-bank b’27 punt u żammew ritmu aktar bilanċjat, minkejja li Luxol ippruvaw jirritornaw fl-aħħar sessjoni b’run pożittiva. Id-diffikultajiet ta’ Luxol fis-shooting, speċjalment minn barra, illimitaw il-kapaċità tagħhom li jdawru l-konfront. Depiro kellhom nieqes lil Nikola Bozovic fil-waqt li Luxol kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom hekk kif irkupraw ukoll lil Nathan Xuereb. Depiro bdew tajjeb hekk kif fetħu l-partita bi trippla ta’ Luca Stefanovic u komplew bi break ta’ 9-1. Luxol naqqsu d-distakk wara punti minn minn Xavier Brewer u Darron Howard biex f’nofs is-sessjoni Depiro kienu 3 minn fuq 11-8. Depiro kabbru l-vantaġġ bi trippla ta’ Cameron Cornelius u punti minn Trevon Reddish għalkemm Howard għamel trippla għal Luxol. Depiro komplew din id-darba bi trippla ta’ Michael Debattista u punti minn Cornelius u Sean Galea biex temmew l-ewwel sessjoni 29-20 minn fuq. Fit-tieni taqsima Luxol naqqsu d-distakk bil-punti moinn Jayden Johnson u Howard però Depiro kabbru l-vantaġġ għal 11-il punt 41-30. Felix Uadiale kompla bi trippla għal Depiro qabel ma Luxol wieġbu permezz ta’ Howard u Stefan Cappello. Uadiele għalaq it-taqsima b’dunk minn fast break għal skor ta’ 51-38 fil-halftime.
Fit-tielet sessjoni, Luxol kellhom il-punti konsekuttivi minn Brewer u naqqsu d-distakk għal 9 punti 44-53. Wara basket ta’ Luca Stefanovic, Luxol kellhom risposta minn Adam Azzopardi però Depiro rkupraw bi break ta’ 8-0 b’ħames punti minn Reddish biex temmew is-sessjoni 64-49 minn fuq. Fil-bidu tal-aħħar taqsima Depiro bdew bil-punti ta’ Uadiale però Howard u Johnson żammew lil Luxol viċin. Luxol għamlu sforz aħħari biex isalvaw il-partita hekk kif kellhom run ta’ 10-0 li rathom jaslu sa’ 5 punti ‘l bogħod 66-71. Huma bdew iwaqqfu l-arloġġ però Depiro kienu kważi perfetti mill-free-throw line partikolarment Galea u Cornelius hekk kif huma ħarġu rebbieħa 78-70.
The Plaza Depiro: S. Galea 9, T. Reddish 22, J. Micallef, N. Zivkovic, L. Stefanovic 7, JP Schembri 2, S. Kenely, M. Sammut, C. Cornelius 13, F. Uadiale 20, M. Debattista 5.
Luxol Sherries Estates: D. Howard 23, A. Azzopardi 9, I. Azzopardi, N. Vasovic 1, N. Xuereb, J. Johnson 11, M. Brincat 5, M. Iloube 3, X. Brewer 15, S. Cappello 3, S. Marra.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Leonardo Silvero, Bernard Vassallo.
Starlites Revive……..91
Hibernians…………….87
(16-19)(20-22)(29-19)(26-27)
Il-konfront bejn l-ewwel żewġ timijiet tal-klassifika laħaq l-aspettativi mistennija fejn Starlites Revive u Hibernians offrew għal darb’oħra battalja sportiva mill-isbaħ. Finalment kienu Starlites li kisbu rebħa stretta ta’ 91-87 f’partita bilanċjata b’ħafna bidliet fil-vantaġġ biex żammew l-imbattibilita staġjonali tagħhom. Starlites għamlu d-differenza permezz ta’ 13-il punt minn offensive rebounds kontra l-ħamsa tal-avversarji. u aktar punti minn turnovers, filwaqt li kellhom ukoll persentaġġ aħjar f’mumenti kruċjali. Minkejja li Hibernians kellhom impatt qawwi mill-bank u persentaġġ aħjar mill-free-throws, Starlites kienu aħjar fit-trippli speċjalment f’mumenti kruċjali tal-partita. Starlites kellhom nieqes lil Jayden Iturmendi però kellhom ritorn importanti hekk kif Paul Ferrante jista’ jserraħ ukoll fuq l-esperjenza ta’ Kurt Xuereb. Għal Hibs kienu nieqsa Matthew Gouder u Ivan Demcesen li kien biss spettatur fuq il-bank. Kienu Hibs li ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti minn Aji Ajiboye u Deonte Jackson, b’dan tal-aħħar ikun ippremjat bl-unur tal-BOV player tax-xahar għal Jannar qabel il-partita. Starlites qalbu l-iskor bil-baskets ta’ Ian Felice Pace u Jackson Threadgill flimkien ma’ trippla ta’ Travis Fee. Hibs irkupraw u għaqqdu run ta’ 6-0 bejn Jackson u Stefan Simic qabel ma Starlites kellhom il-punti minn Alec Felice Pace u Fee. Fl-aħħar tlett minuti kien hemm żewġ baskets fuq kull naħa b’basket ta’ Piotr Stelmach jagħlaq is-sessjoni favur Hibs fuq skor ta’ 19-16. Fit-tieni perjodu, Hibs kabbru l-vantaġġ għal 8 punti wara trippla minn Matthew Attard u basket ta’ Elijah Simmons. Xuereb għamel l-ewwel basket tiegħu tal-istaġun biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin għalkemm fir-raba’ minuta Hibs kienu 10 minn fuq 30-20. Starlites kellhom żewġ trippli minn A. Felice Pace u Fee però n-naħa l-oħra wkoll kien hemm trippla minn Stelmach u punti minn Simmons u Jackson għal skor ta’ 39-29. Starlites irnexxielhom jagħmlu seba’ punti ħafna minnhom minn free-throws wara fouls anti-sportivi u tekniċi kontra l-bank ta’ Hibs. L-aħħar punti però waslu minn Stelmach għal Hibs li daħlu jistrieħu 41-36 minn fuq.
Fit-tielet sessjoni, Starlites bdew bit-trippli minn Jallow u Fee u basket tal-istess Jallow poġġijhom fuq quddiem wara ħin twil jiġru wara l-avversarji. Il-vantaġġ beda jdur fuq kull naħa wara li Ajiboye u Threadgill għamlu trippla kull wieħed u fis-sitt minuta Hibs kienu 54-53 minn fuq. Starlites komplew b’sitt punti oħra mingħajr risposta però 5 punti konsekuttivi minn Simmons raw lil Hibs jagħmlu l-iskor indaqs 59-59 fid-disa’ minuta. Eżatt ma’ tmiem it-taqsima kien hemm trippla ta’ Miguel Fabri biex Starlites fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 65-60. Ir-raba’ taqsima fetħet b’ħames punti minn Hibs fosthom trippla ta’ Jackson u ippareġjaw 65-65 wara żewġ minuti b’Paul Ferrante jagħjjat time-out. Hibs però komplew b’run oħra ta’ 9-2 biex marru 74-67 minn fuq. Starlites ġew lura b’sensiela ta’ punti konsekuttivi minn Jallow u fis-sitt minuta ippareġjaw 74-74. Ajiboye u Matthew Attard reġgħu poġġew lil Hibs fuq quddiem, vantaġġ li wara trippli fuq kull naħa żammew sat-tmien minuta 83-81. Jallow kompla jmexxi l-attakk ta’ Starlites li fl-aħħar 47 sekonda reġgħu marru minn fuq 87-83. Stelmach bi trippla pprova jsalva l-partita għal Hibs iżda Starlites kellhom żewġ baskets oħra minn Jallow u Fee biex finalment ħarġu rebbieħa 91-87.
Starlites Revive: A. Felice Pace 5, K. Fabri, T. Fee 20, A. Aquilina, I. Felice Pace 4, M. Fabri 3, Z. Said Hollier, M. Scerri 3, J. Threadgill 33, K. Xuereb 2, G. Camilleri. M. Jallow 21.
Hibernians: N. Cassar 4, E. Simmons 10, A. Ajiboye 16, L. Attard, L. Farrugia, P. Stelmach 15, V. Kustudja, D. Jackson 26, M. Attard 12, T. Gjurovski, I. Demcesen, S. Simic 4.
Referees: Bernard Vassallo, Miguel Pablo De Flavia, Wendell Lim
//= $special ?>

