Colin Schembri
Starlites Revive………..65
Betsson Depiro……….64
(12-24)(22-4)(18-17)(13-19)
Starlites Revive ħadu rebħa drammatika fuq Betsson Depiro f’partita li baqgħet miftuħa sal-aħħar sekondi u li setgħet marret fuq kull naħa. B’Georgia Haverlock friska mir-rebħ tal-BOV Player tax-xahar ta’ Jannar tmexxi lil Starlites bi 22 punt u Julia Borg tmexxi lil Depiro il-partita kellha żewġt’uċuh fl-ewwel parti u fejn Depiro fetħu tajjeb però sofrew ir-rimonta ta’ Starlites fit-tieni perjodu. Ta’ min jinnota wkoll il-prestazzjoni taż-żagħżugħa Samira Deguara li spiċċat b’sittax-il punt fosthom 4 trippli. Depiro kellhom żewġ players importanti nieqsa hekk kif kienu mingħajr Sophie Abela u l-Amerikana Lovely Sonnier. Wara bidu kwiet, Depiro għamlu run ta’ 6-0 wara time-out bi trippla ta’ Borg li kellha sessjoni mill-aqwa b’14-il punt. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Haverlock u naqqsu d-distakk għal 3 punti. Iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin qabel ma Depiro għamlu run ta’ 9-0 bi trippli minn Borg u Julia Borg Xerri u temmew l-ewwel sessjoni 24-12. It-tieni taqsima kienet storja differenti hekk kif Starlites fetħu bi break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Philippa Riolo u punti minn Haverlock u Michela Zammit Cordina. Depiro waqqfuhom bi trippla ta’ Deguara però Starlites għamlu sitt punti oħra konsekuttivi. Depiro għamlu basket ieħor minn Borg però l-aħħar punti ġew kollha minn Starlites għal skor ta’ 34-28. Fil-bidu tat-tielet taqsima, ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Starlites żammew il-vantaġġ ta’ sitt punti li bnew fit-taqsima ta’ qabel. Starlites kellhom run qasira ta’ 7-1 però pronta kienet it-tweġiba minn naħa ta’ Depiro bil-punti ta’ Claire Privitera u trippla minn Samira Deguara u waslu sa’ 3 punti ‘l bogħod 45-48. Starlites għamlu 4 punti oħra minn P. Riolo u Michela Zammit Cordina għal skor ta’ 52-45. L-aħħar sessjoni offriet emozzjonijiet kbar speċjalment lejn it-tmiem. Depiro rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs 55-55 bil-punti ta’ Deguara u Borg Xerri. Il-vantaġġ reġa dar favur Starlites wara punti ta’ P. Riolo però trippla ta’ Deguara poġġiet lil Depiro fuq quddiem. Kien għad fadal ħin għal aktar tibdil fl-iskor. Fl-aħħar minuta u nofs Dabic u Riolo poġġew lil Starlites fuq quddiem 62-61 però fl-aħħar 50 sekonda Deguara mill-ġdid poġġiet lil Depiro fuq quddiem 64-62 bi trippla. Starlites ma ċedewx minkejja l-ftit ħin li kien għad fadal u basket ta’ Haverlock fl-aħħar 14-il sekonda tahom il-vantaġġ. Depiro tilfu l-aħħar pusess u Starlites ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 65-64.
Starlites Revive: Y. Ferrando, M. Riolo, P. Riolo 17, M. Zammit Cordina 13, M. Fenech, R. Naudi, G. Haverlock 22, B. Sciberras, L. M. Zammit, K. Gatt, J. Abela 2, J. Dabic 9.
Betsson Depiro: Y. Mangion, N. Agius 9, J. Borg Xerri 10, J. Mallia, C. Privitera 10, C. Fenech, J. Borg 19, C. Portelli, N. Borg, M. Borg, S. Deguara 16.
Referees: Miguel Pablo De Flavia, Andre Attard.
Hibernians……………….73
Caffè Moak Luxol…..79
(20-22)(12-21)(22-14)(19-22)
Caffè Moak Luxol taw l-ewwel telfa tal-kampjonat lil leaders Hibernians b’rebħa ta’ 79-73 biex bis-saħħa tat-telfa ta’ Depiro aktar qabel saħħew it-tieni post tal-klassifika. Luxol kellhom 27 punt minn players li daħlu minn fuq il-bank li jinkudu 20 taż-żagħżugħa ta’ 16-il sena Eve Axisa li f’kull partita tkompli tikkonferma l-potenzjal tagħha. Kien hemm ukoll 22 punt għal Sarah Fenech Pace fil-waqt li għal Hibs kien hemm 20 punt għal Sasha Lecuyer. Luxol qatt ma ħallew ir-rebħa taħrabilhom hekk kif kienu fil-vantaġġ għal 35 minuta u fit-tieni sessjoni kellhom vantaġġ massimu ta’ 13-il punt 21-34. Hibs kienu mingħajr Andie Saliba filwaqt li Luxol żammew il-formazzjoni tal-aħħar partiti tagħhom. Kienu Hibs li ħadu l-ewwel vantaġġ bil-punti ta’ Hayley Macleod u Lecuyer u marru 7-2 minn fuq. Ir-risposta ta’ Luxol ġiet bi break ta’ 11-0 fosthom trippla ta’ Sarah Fenech Pace u punti minn oħtha Lisa flimkien mal-Amerikana Olivia Wikstrom. Hibs kellhom trippla minn Steffi De Martino u punti minn Lecuyer u Maria Bonett bil-Luxol jagħlqu bi trippla ta’ Axisa u temmew l-ewwel sessjoni 22-20 minn fuq. Fil-bidu tat-tieni perjodu Luxol ħasdu lill-avversarji b’erba’ trippli, 3 minn Axisa u oħra ta’ Gwen Carabott u fit-tielet minuta fetħu vantaġġ ta’ 13-il punt 34-21. Hibs ippruvaw jirkupraw b’punti minn Marie Buhagiar u Josephine Diaby però żewġ baskets konsekuttivi minn Wikstrom ħallew lil Luxol fuq quddiem 43-32.
Wara l-intervall, Hibs bdew b’run ta’ 10-0 bil-punti ta’ Macleod, Diaby u Lecuyer biex naqqsu d-distakk għal 3 punti 42-45. Luxol irkupraw xi ftit b’baskets minn Axisa u S. Fenech Pace però Hibs għamlu run ta’ 10-3 bi trippla ta’ De Martino biex għamlu l-iskor indaqs 54-54. Luxol xorta rnexxielhom jagħlqu t-taqsima fuq quddiem hekk kif fl-aħħar attakk kellhom trippla ta’ Vanya Baldacchino għal skor ta’ 57-54. Fl-ewwel attakk tal-aħħar sessjoni Hibs ippareġjaw bi trippla ta’ Buhagiar. Luxol wieġbu bi break qasir ta’ 6-1 bejn Baldacchino, Wikstrom u S. Fenech Pace u sa’ nofs il-perjodu reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 62-67. Fis-sitt minuta, Luxol għamlu break deċisiv ta’ 7-0 bi trippla u basket minn Axisa u basket ta’ Fenech Pace biex reġgħu marru 10 minn fuq. Hibs ippruvaw jerġgħu jirkupraw però minkejja trippla ta’ Lecuyer, Luxol ma fallewx il-free-throws tal-aħħar minuti biex ħarġu rebbieħa 79-73.
Hibernians: M. Buhagiar 4, L. Micallef, I. Agius, S. Lecuyer 20, A. Saliba, M. Bonett 7, S. De Martino 12, M. Marmara, N. Farrugia, H. Macleod 17, J. Diaby 13, K. Sammut.
Caffè Moak Luxol: G. Carabott 7, K. Magro, E. Axisa 20, L. Fenech Pace 4, R. Fenech Pace 2, A. Xuereb, J. Said, E. Abela, S. Fenech Pace 24, O. Wikstrom 17, V. Baldacchino 5, S. Sciberras.
Referees: Fiorentina Ciurariu, Wendel Lim
Valletta Dream……32
Athleta……………….85
(8-20)(10-16)(2-20)(12-29)
Athleta kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun u għamlu dan b’mod konvinċenti meta għelbu lil Valletta Dream 85–32 kontra Valletta f’partita fejn fetħu distakk kmieni u komplew sejrin tul is-sessjonijiet kollha. Id-differenza dehret fil-fast breaks (38 kontra 9), fil-punti minn turnovers (27 kontra 6) u fil-kontribut mill-bank (32 kontra 4), filwaqt li Athleta żammew ukoll vantaġġ ċar fir-rebounds (62 kontra 48). Valletta sabu diffikultà kbira fl-attakk b’10/56 tentattiv u ħin bil-vantaġġ ineżistenti, fatturi li ħallew lil Athleta jżommu kontroll sod sal-aħħar. Valletta kienu mingħajr Shautung Lin, Adriana Caballero u Nicole Montalvo u ntroduċew lil Maria Trapani. Athleta kellhom fl-iskwadra għall-ewwel darba lil Ella Frendo. Athleta fetħu bl-ewwel ħames punti bi trippla ta’ Julia Schembri u basket ta’ Nicole Vella. Valletta wieġbu permezz ta’ Marija Momcilovic però Athleta għamlu run ta’ 6-0 u fir-raba’ minuta kienu 11-2 minn fuq. Għal xi ħin Valletta wieġbu permezz ta’ Marie Elise Pollacco però kellhom sensiela ta’ turnovers li minnhom Athleta għamlu run ta’ 8-0 temmew l-ewwel sessjoni 20-8 minn fuq. Athleta bdew it-tieni taqsima b’seba’ punti oħra fosthom trippla ta’ Kirsty Caruana. Valletta wieġbu b’punti minn Pollaco u l-ewwel basket ta’ Trapani qabel ma Athleta għamlu 8 punti oħra mingħajr risposta. Valletta rkupraw ftit lejn tmiem it-taqsima bi break ta’ 6-0 biex fl-intervall Athleta kienu 36-18 minn fuq.
Fit-tielet taqsima, Valletta kellhom basket wieħed biss minn Pollacco. Qabel dan il-basket, Athleta għamlu run ta’ 10-0 maqsum bejn Smith, Sharon Vella u Kaya Calleja. Athleta komplew b’10 punti oħra fosthom żewġ baskets ta’ Eliza Farrugia għal skor ta’ 56-20. L-aħħar taqsima, bdiet bil-punti ta’ Caruana u Farrugia flimkien maż-żagħżugħa Alexa Pisani għall-Athleta. Valletta, wara li tilfu lil Pejcic b’injury kellhom il-punti ta’ Pollacco u Marija Momcilovic. Athleta għalqu l-partita b’run oħra ta’ 10-0 biex ħadu l-ewwel rebħa tal-istaġun fuq skor finali ta’ 85-32.
Valletta Dream: N. Pejcic 1, M. Pollaco 19, M. Trapani 2, A. Cutajar 2, M. Momcilovic 4, H. Grixti 2, M. Mifsud 2.
Athleta: E. Farrugia 9, J. Schembri 3, B. Agius 2, N. Vella 9, K. Calleja 18, E. Frendo, K. Caruana 5, M. Tyler Smith 13, S. Vella 10, K. Abela 3, L. Camilleri 5, A. Pisani 8.
Referees: Fiorentina Ciurariu, Andre Attard.
//= $special ?>

