Internazzjonali

L-Afganistan: Taħt assedju mill-qawwiet tal-Pakistan

Il-qawwiet tal-ajru tal-Pakistan wettqu sensiela ta’ attakki fuq il-kampijiet tal-militanti Iżlamiċi fl-Afganistan, Dan meta l-kelliema għall-entità tat-Taliban fl-artijiet Afgani qalu li fl-attakki nqatlu numru ta’ tfal u nisa – bil-vittmi jkunu kalkulati mat-30.

L-awtoritajiet Pakistani qalu li l-azzjonijiet kienu diretti kontra s-siti u l-moħbiet li qed jużaw il-militanti li, jiem ilu, kienu wettqu l-attakki suwiċida fil-Pakistan.

Dawn il-moħbiet jinsabu fit-territorji Afgani li jmissu mal-artijiet tal-Pakistani. Intant, it-Tmexxija tat-Taliban f’Kabul ikkundannat l-attakki li, fi kliemha, ikkonċentraw fuq id-djar taċ-ċivili , kif ukoll fuq skola għall-edukazzjoni reliġjuża.

L-aħħar attakki, fil-fatt, seħħew wara li l-Pakistan u l-Afganistan, f’Ottubru, kienu qablu għal waqfien mill-ġlied fraġli b’riżultat ta’ diversi konfronti armati fl-artijiet fuq in-naħat opposti tal-fruntiera…. Dan ukoll meta fl-aħħar jiem,  f’din iz-zona, kien hemm xorta waqtiet tal-ġlied bejn it-truppi Pakistani u l-ġellida Afgani tat-Taliban.