Internazzjonali

L-Iran: Dimostrazzjonijiet tal-istudenti fi żmien delikat għar-reġim

Filwaqt li l-konfront militari bejn l-Iran u l-Istati Uniti qed jidher aktar qrib, il-Gvern Iżlamiku f’Tehran, issa, qed iħabbat wiċċu mill-ġdid ma’ moviment ta’ dissens u protesti fuq livell tal-massa.

Dan meta gruppi kbar ta’ studenti f’diversi universitajiet tal-Iran wettqu sensiela ta’ manifestazzjonijiet kontra l-Amministrazzjoni tal-Ayatollah Ali Khamenei…L-ewwel rallies fuq skala hekk kbira fl-Iran mindu l-awtoritajiet Iżlamiċi kienu kontrollaw id-dimostrazzjonijiet ta’ Jannar kontra r-reġim bl-aktar miżuri vjolenti li ssarrfu fl-eluf tal-mejtin.

L-istudenti mmarċjaw fl-Università tat-Teknoloġija ta’ Sharif u fi bnadi ta’ Tehran –fejn kienu anki involuti fi ġlied mal-gruppi tas-sostenituri tal-Gvern Iranjan.

Saru wkoll is-‘sit-ins’ tal-istudenti f’universitajiet oħrajn, flimkien ma’ rallies kontra r-reġim fl-artijiet tal-Iran lejn il-grigal….Attivitajiet li saru biex jonoraw lill-eluf tal-vittmi tal-protesti li saru fil-pajjiż, ġimgħat ilu.

L-għajta popolari biex l-Ayatollah Khamenei jingħata l-mewt spikkat bil-kbir fost l-aħħar dimostrazzjonijiet u meta fil-preżent, il-Gvern u l-Armata tal-Iran qed isegwu l-preżenza tal-qawwiet Amerikan fl-ibħra tal-Golf …Sitwazzjoni fejn il-President Amerikan, Donald Trump qed jikkunsidra azzjoni militari limitata fuq il-pajjiż fundamentalista.

L-Istati Uniti u l-Alleati Ewropej jissuspettaw li l-Iran jinsab viċin ħafna li jkollu l-materjal nukleari li kapaċi jkun adattat għall-warheads tal-missili – u meta huma jridu, akkost ta’ kollox, li jiffriżaw il-programmi nukleari ta’ Tehran.