Lokali

“Baqa’ jiġġieled sal-aħħar” – sens qawwi ta’ qsim il-qalb wara l-mewt ta’ Sandro Grech

Fl-aħħar sigħat, tħabbret il-mewt ta’ Sandro Grech – ir-raġel li kien sab appoġġ enormi mill-Maltin u l-Għawdxin sabiex jieħu kura barra l-pajjiż.

L-aħbar ingħata mill-ħbieb tiegħu fuq il-media soċjali. Dan filwaqt li ħuh, Roberto Grech, kiteb illi Sandro baqa’ sal-aħħar jiġġieled kontra l-kanċer li kien qed jaffaċja.

Sandro Grech kien mar Beijing sabiex jibda jieħu l-kura minħabba li kien qed ibati minn lukimja rari.

Sandro kien kostrett jibdel id-destinazzjoni tiegħu minn Singapore għaċ-Ċina għax il-kumpanija tal-air ambulance talbet lill-familja €80,000 oħra fuq il-prezz li kienu qablu fuqu. U eventwalment, mar għall-kura f’Beijing.

Intant, ir-Rettur tal-Kulleġġ St Albert flimkien mal-Kap tal-iskola Sekondarja u l-SMT taw il-kondoljanzi lill-familja ta’ Sandro Grech li huwa missier Giada Grech, studenta ta’ dan il-Kulleġġ.